Posposti l-poloz għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja

Read in English.

Il-poloz kollha għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja qed jiġu posposti minħabba r-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-coronavirus. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Kurja.

Il-Poloz ta’ Parteċipazzjoni tas-subien u l-bniet għad-dħul fl-ewwel sena sekondarja, u l-Polza ta’ Parteċipazzjoni tal-bniet tal-ewwel sena primarja li kellhom isiru għada, il-Ħamis 26 ta’ Marzu 2020, qed jiġu posposti. Se jkun hemm tibdil ukoll fil-poloz ippjanati għal April.

L-Uffiċċju għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja jinsab magħluq però l-ħaddiema qed jaħdmu mid-dar. F’każ ta’ bżonn, wieħed jista’ jibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org jew iċempel fuq 7999 0224. Dan in-numru ser ikun attivat fil-ħin li ġej.

Il-pubbliku se jiġi infurmat bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu permezz ta’ avviżi fuq il-paġna tal-Iskejjel tal-Knisja li tinsab fuq il-website www.knisja.mt. Il-listi tal-applikanti li se jieħdu sehem f’dawn il-poloz se jiġu ppublikati dalwaqt f’din l-istess paġna. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iżur www.knisja.mt biex iżomm ruħu aġġornat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn