Posposti eluf ta’ operazzjonijiet minħabba l-influwenza

Eluf ta’ operazzjonijiet kellhom jiġu posposti għal minn tal-inqas xahar hekk kif bosta sptarijiet fir-Renju Unit spiċċaw iduru wara pazjenti li qabdithom l-influwenza jew attakkahom in-norovirus.

Dan ġie kkawżat mill-maltemp qawwi li ħakem il-pajjiż fl-aħħar ġimgħat.

Fir-Renju Unit kulħadd qed jiġi mħeġġeġ biex jaħżen kemm jista’ jkun mediċini u jieħu t-titqiba tal-influwenza wara li l-maltemp li ilu għaddej għal dawn l-aħħar jiem qed ipoġġi pressjoni kbira fuq is-servizz tas-saħħa.

Illum, it-temperatura tista’ tinżel sa 11-il grad taħt iż-żero f’partijiet differenti tar-Renju Unit u sa nhar it-Tnejn, f’Londra qed tiġi rraportata ġlata hekk kif it-temperaturi jinżlu taħt iż-żero.

Dawn it-temperaturi jistgħu jikkawżaw riskju ta’ attakki tal-qalb u problemi tan-nifs.

Minkejja dan, l-Uffiċċju Meterjoloġiku għadu ma ħareġ l-ebda rapport sabiex il-pubbliku ma joħroġx mid-dar.
Ritratt: Evening Standard