Posposta x-xhieda tas-‘sensar’ fl-assassinju

Ix-xhieda tal-allegat sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma mhux se tkun qed issir illum.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li l-kumpilazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista kontra t-tliet irġiel akkużati bil-qtil tagħha ntalbet tiġi posposta mill-Pulizija. Huma qalu li dan minħabba li l-Pulizija trid twettaq xi investigazzjonijiet oħrajn.

Theuma kien mistenni jixhed quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Dan kollu ġie wara li l-Avukat Ġenerali talab lill-Qorti Kriminali sabiex terġa’ tiftaħ mill-ġdid il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ.

Bħalissa, it-tliet irġiel li qed jitressqu akkużati bl-assassinju tal-ġurnalista huma Alfred Degiorgio (il-Fulu), George Degiorgio (iċ-Ċiniż) u Vince Muscat (il-Koħħu).

Theuma ngħata l-maħfra fil-25 ta’ Novembru wara li din ġiet milqugħa mill-President ta’ Malta George Vella.