Ippressajna biex nipposponu laqgħa biex tgħaddi l-art lill-Corinthia – PN

Laqgħa parlamentari dwar it-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia ġiet posposta fuq talba tal-Partit Nazzjonalista (PN).

Fi stqarrija, il-PN qal li wara pressjoni kbira li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kontra dan il-ftehim, il-membri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġew infurmati li l-laqgħa li kellha ssir ilbieraħ dwar dan it-trasferiment ta’ art lill-Grupp Corinthia issa se ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Frar.

Skont il-PN, l-Oppożizzjoni kienet ikkonfermat mad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li jmexxi l-Kumitat biex il-laqgħa ssir ilbieraħ, iżda wara l-pressjoni li qed issir mill-Oppożizzjoni din il-laqgħa ġiet posposta. Qal li kien Adrian Delia li insista li jkun pospost il-vot fil-Parlament u kien ukoll laqqa’ lill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista sabiex issir preżentazjoni u dan il-ftehim jiġi diskuss.

L-Oppożizzjoni diġà iddikjarat li kienet se tivvota kontra l-proposta tal-Gvern f’dan il-Kumitat.

Skont il-PN, waqt il-jiem tal-Milied u f’ġurnata waħda biss, il-Gvern ried li l-Parlament japprova bl-akbar għaġla l-bejgħ ta’ art pubblika f’żona strateġika f’Malta lill-Grupp Corinthia. Il-partit qal li l-Gvern ried jagħmel dan bl-akbar arroganza u mingħajr il-ħruġ ta’ tender. Allega wkoll li l-Gvern ried jgħaddi art li kienet b’ċens għal skop ta’ turiżmu għal skopijiet ta’ spekulazzjoni u bini.

“Filwaqt li hawn min m’għandux saqaf fuq rasu, min qed jistinka biex jixtri dar u ma jistax, min qed jissellef għal dar u l-bank ma jsellfux u min irid jikri fejn jgħix u ma jistax bil-kirjiet għoljin, il-Gvern iddeċieda li jagħti art pubblika bi prezz baxx lill-privat biex isir spekulazzjoni u gwadann mill-bini.”

Il-PN qal li l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, li huwa responsabbli minn dan il-ftehim, ried li art li tiswa €800 miljun tingħata għal €51 miljun biss.

Kelliem għall-Corinthia Group kien sostna li huma foloz ir-ritratti li nxterdu fuq il-midja soċjali u li juru żvilupp ġdid madwar iż-żona fejn għandha tinbena l-lukanda tal-Corinthia.

Adrian Delia kien diġà sostna li l-Oppożizzjoni mhux se taċċetta li l-Gvern ibiegħ art pubblika lill-Corinthia Group bi prezz daqshekk baxx. Kompla jgħid li jaqblu ma’ żvilupp ta’ sitt stilel għax dan jgħin l-iżvilupp fl-industrija tat-turiżmu, iżda sostna li ma jistax jaqbel mal-prezz li qed jitlob il-Gvern għall-art.

Il-PN mhux kredibbli jitkellem fuq il-valur tal-art pubblika – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li jekk hemm partit politiku li mhux kredibbli li jitkellem fuq il-valur tal-art pubblika huwa l-Partit Nazzjonalista. Fi kliem il-PL, sal-ġimgħa l-oħra stess il-Qorti kkonfermat li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi huwa responsabbli mill-iskandlu Löwenbräu “fejn il-poplu mar ħażin” bi ftehim fuq art pubblika f’Ħal Qormi.

Il-PL żied jgħid li Delia għandu jsib skuża oħra biex jiddevja mill-kriżi li jinsab fiha hu.