Posposta l-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-PL

Ġiet posposta għal data oħra, il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista li kellha titlaqqa’ għada s-26 ta’ Ġunju. Id-data kienet tħabbret fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista nhar it-Tnejn li għadda.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliem tal-Partit Laburista qal li se jkun hemm bidla fid-data minħabba li “bħalissa ma jistgħux isiru attivitajiet għal iktar minn 75 persuna”. Żied jgħid li għall-Konferenza Ġenerali jattendu 800 delegat. Irrimarka li l-Partit Laburista għażel li jimxi mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u ppospona l-konferenza għat-2 ta’ Lulju, hekk kif fl-1 ta’ Lulju jitwaqqgħu l-aħħar restrizzjonijiet imposti minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija nhar it-Tnejn li għadda, il-Partit Laburista ħabbar li fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista se titressaq mozzjoni f’isem l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-PL, li tipproponi bidliet fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Il-bdil jinkludi li l-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-Partit Laburista ma tiġix okkupata minn membri parlamentari u li min jokkupa l-kariga ma jitħalliex joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sakemm ikun ilu sentejn li spiċċa mill-istess kariga.

Il-kariga ġiet vakata wara li l-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ntalab jirreżenja mill-Prim Ministru stess wara li ismu baqa’ jissemma fil-proċeduri fil-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cardona kien u baqa’ jgħid li qed isir frame-up fuqu.

Il-kelliem tal-Partit Laburista temm jgħid li filwaqt li l-Partit Laburista ppospona l-konferenza, il-Partit Nazzjonalista l-Ħamis filgħaxija “se jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali fejn ikun hemm aktar minn 75 persuna”.