Posposta l-elezzjoni ġenerali fi New Zealand minħabba l-COVID-19

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, ħabbret li se tipposponi l-elezzjoni ġenerali b’xahar hekk kif il-pajjiż reġa qed jara żieda fil-każijiet ta’ COVID-19.

Il-votazzjoni, li kellha ssir nhar id-19 ta’ Settembru, issa se ssir nhar is-17 ta’ Ottubru. New Zealand kien irnexxielu jagħmel 102 ġurnata mingħajr l-ebda każ ġdid ta’ Covid-19 hekk kif il-pajjiż kien qed jimxi ma’ miżuri stretti, fosthom distanza soċjali u lockdown, madanakollu madwar ġimgħatejn ilu reġgħu feġġew każijiet ġodda li ġew impurtati minn ekwipaġġ ta’ trakk tal-merkanzija li daħal fil-pajjiż.

Ardern qalet li d-data l-ġdida ta-elezzjoni se tgħin biex il-partiti politiċi jadattaw il-kampanja elettorali tagħhom taħt iċ-ċirkustanzi. Sadanittant iktar kmieni din il-ġimgħa Auckland, l-ikbar belt fi New Zealand, reġgħet spiċċa f’lockdown kawża taż-żieda fil-każijiet ġodda.