Posposta d-deċiżjoni fuq il-permess għal Lidl f’Ħaż-Żebbuġ

Read in English.

L-Awtorità tal-Ippjanar ipposponiet id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni biex jinbena l-istabbiliment Lidl f’Ħaż-Żebbuġ f’art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).

Dan tħabbar mill-għaqda Moviment Graffitti fuq Facebook.

L-NGO spjegat li r-raġuni ewlenija tal-Awtorità kienet għax hemm nuqqas ta’ studji fuq it-traffiku. Apparti dan, hemm Lidl ieħor erba’ kilometri ‘l bogħod f’Ħal Qormi.

Hija qalet ukoll li f’Malta għandna r-rekord għall-aktar numru ta’ ħwienet tal-Lidl għal kull kilometru kwadru fl-Ewropa. “LIDL imdorrijin jieħdulna art ODZ: il-LIDL ta’ Ħal Luqa u Ħal Safi huma mibnijin fuq art ODZ, filwaqt li f’Għawdex parti mil-LIDL huwa mibni fuq art ODZ ukoll. Il-Moviment Graffitti jibqa’ jsostni li art ODZ għandha tibqa’ ODZ. Għalxejn isiru l-policies jekk il-Bord tal-PA jibqa’ jinjora il-valur ta’ ODZ u l-policies li suppost qed jamministra.”

L-Awtorita' tal-Ippjanar għadha kif ipposponiet id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal supermarket ieħor tal-LIDL f'…

Posted by Moviment Graffitti on Thursday, July 16, 2020

Ix-xahar li għadda, rapport magħmul mill-uffiċjal tal-każ irrakkomanda li l-bini tal-istabbiliment Lidl f’Ħaż-Żebbuġ jiġi approvat, minkejja li dan qiegħed f’żona ‘l barra miż-żona tal-iżvilupp.

F’Lulju li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien ressaq sensiela ta’ punti u proposti rigward dan is-sit, partikolarment dwar l-impatt viżwali, il-problema ta’ parkeġġ li taf tinħoloq għar-residenti, il-ħtieġa ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi, u l-impatt fuq it-traffiku diġà eżistenti fl-inħawi.

Newsbook.com.mt wettaq eżerċizzju sentejn ilu li wera li mad-dawra ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm tliet stabbilimenti li qegħdin bejn 4km u 7km ‘il bogħod. Dawn huma l-istabbilimenti ta’ Ħal Luqa, Ħal Qormi u Santa Venera.

L-applikazzjoni mressqa fl-2018 kienet ibbażata fuq art kbira 13,550 metru kwadru skont il-pjanti preżentati mal-applikazzjoni. Kien propost li l-fabbrika u x-showroom eżistenti jitwaqqgħu, filwaqt li kmamar fl-għelieqi u s-substation jiġu rilokati. F’livell taħt l-art kellu jkun hemm spazju għall-uffiċini, showroomħwienet u mħażen. Skont l-applikazzjoni, il-bejt kellu jkun miksi b’panelli fotovoltajiċi.