Pospost il-ġuri ta’ qassis akkużat li dawwar għalih $5 miljun

Il-Knisja ta' Santa Martha f'Michigan

Ġuri ta’ qassis akkużat li dawwar għalih madwar $5 miljun li kellu jibda f’nofs dan ix-xahar kien pospost għal data oħra.

Fr Jonathan Wehrle kellu jibda għaddej ġuri fit-13 ta’ dan ix-xahar. Iżda l-avukat difensur tiegħu rrinunzja l-patroċinju tal-qassis u għalhekk l-Imħallef ippospona l-ġuri għal Jannar li ġej biex jagħti ċans lill-avukat il-ġdid tal-qassis jipprepara għall-każ.

Skont il-gazzetta Lansing State Journal, id-difensur tas-saċerdot irtira d-difiża tiegħu wara li l-pulizija ta’ Michigan qalu li sabu aktar minn $63,000 fi flus kontanti moħbija fuq is-suffett tal-kantina tad-dar tiegħu u magħhom karta bil-kliem “Għad-depożitu – Parroċċa u Skola Santa Marta,” il-parroċċa li fiha kien serva bejn l-1988 u l-2017.

Il-qassis qed jiffaċċja sitt kapi ta’ akkuża ta’ tbagħbis ta’ aktar minn $100,000 f’kull każ. Il-pulizija qalet li b’kollox $1,107,444.98 kienu kunfiskati mingħand il-qassis fi sforz biex jerġgħu jingħataw il-flus li nsterqu mill-parroċċa.

F’Mejju tas-sena li għaddiet id-djoċesi qalet li s-saċerdot kien fuq “leave amministrattiv” u li min-naħa tiegħu Fr Wehrle kien għamel it-talba biex jirtira mill-ħidma pastorali b’effett mit-28 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra. Id-djoċesi iżda ma riditx tikkummenta dwar il-każ.

Rapporti fil-gazzetti lokali qalu li l-qassis kien bena dar lussuża mill-flus tal-parroċċa. Id-Detroit News qalet li d-dar mibnija fuq 11,300 pied kwadru kellha tmien kmamar tas-sodda, 12-il-kamra tal-banju, librerija, swimming pool mgħotti, lift u kantina għall-inbid. Kuntrattur għamel stima ta’ bejn $3 miljun u $4 miljun għal din id-dar.

Barra l-akkużi kriminali Wehrle għandu kontrih kawża ċivili minn kumpanija tal-Assigurazzjoni, li toffri polza ta’ assigurazzjoni lid-djoċesi, li qed tgħid li ħallset $2.5 miljun lid-djoċesi għat-telf li għamlet.

Sadattant, grupp li qed jgħid li hu organizazzjoni volontarja qed jiġbor flus għad-difiża ta’ Fr Wehrle, ukoll qed jiffaċċja kawża kontrih għax l-Avukat Ġenerali ta’ Michigan qal li dawn qed jużaw xi flus għall-użu personali tagħhom u se jkollhom jiffaċċjaw akkużi kriminali.