Posponiment tal-ħlas tad-dazju għas-sisa

Minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti tal-pandemija tal-coronavirus, id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar li l-Gvern qabel li jkun hemm posponiment tal-ħlasijiet tad-dazju għas-sisa ta’ April u Mejju.

Skont l-Att dwar id-Dazju għas-Sisa (CAP. 382), il-ħlas għal ċertu komoditajiet għandu jsir sal-15-il jum tax-xahar ta’ wara meta dawn jitpoġġew fis-suq. Fuq komoditajiet oħrajn, il-ħlas tad-dazju tas-sisa jrid isir sal-aħħar Ħadd tax-xahar. B’hekk, l-operaturi ekonomiċi lokali kienu mistennija jkollhom iħallsu fil-15 ta’ April u fis-26 ta’ April.

Dan il-qbil il-ġdid ifisser li issa, il-ħlasijiet dovuti:

  • Sal-15 ta’ April 2020 jistgħu jsiru sal-15 ta’ Ġunju 2020
  • Sas-26 ta’ April 2020 jistgħu jsiru sat-28 ta’ Ġunju 2020
  • Sal-15 ta’ Mejju 2020 jistgħu jsiru sal-15 ta’ Lulju 2020
  • Sal-31 ta’ Mejju 2020 jistgħu jsiru sas-26 ta’ Lulju 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn