Portelli jħalli l-Independent għall-politika

Pierre Portelli rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-ġurnal The Malta Independent sabiex jikkunsidra bis-serjetà l-kontestazzjoni għal pożizzjoni għolja fil-Partit Nazzjonalista, u dan skont id-The Malta Independent.
F’kummenti li ta lill-ġurnal, Portelli rrimarka li jrid jara li l-pajjiż ikollu politika nadifa u korretta, u dan ma jistax jagħmlu mill-qasam tax-xandir biss. Hu għalhekk li offra r-riżenja tiegħu.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, Newsbook.com.mt irrapporta li Portelli interessat għal Segretarju Ġenerali tal-PN, hekk kif bħalissa l-partit għaddej fil-proċess biex jeleġġi l-viċi kapijiet, l-assistent segretarju ġenerali, u s-segretarju ġenerali fost oħrajn.
“Nemmen bis-sħiħ f’Delia bħala l-Kap Nazzjonalista, u għalhekk se nappoġġjah bis-sħiħ biex jgħaqqad lill-partit u jibdel id-direzzjoni tal-gvern u l-pajjiż, jiġifieri d-direzzjoni ta’ pajjiż bla ruħ li qabad”, temm jgħid Portelli.