Portelli jgħid li l-art f’Ta’ Kassja fil-Qala qiegħda b’konvenju

Read in English.

L-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qal li l-art f’Ta’ Kassja fil-Qala qiegħda b’konvenju. Il-proġett propost għandu jikkonsisti minn 165 appartament.

Kelliema għal J Portelli Projects qalet lil Newsbook.com.mt li ġie ffirmat il-konvenju bejn is-sidien tal-art fil-Qala u J Portelli Projects. Sostniet li dan ta d-drittijiet kollha u l-permess għal applikazzjoni għal żvilupp.

Meta din il-kamra tal-aħbarijiet ippruvat tagħmel kuntatt mal-kuntrattur Għawdxi Joseph Portelli nnifsu, ġiet ikkuntattjata minn kelliema għalih.

Din il-ġimgħa, il-Partit Demokratiku kiteb ittra lill-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri biex jiġu investigati Portelli u l-Awtorità tal-Ippjanar. Il-PD spjega li tul l-aħħar ġimgħat, kif ġie rrappurtat minn Times of Malta, Joseph Portelli beda juża dikjarazzjonijiet foloz li huwa s-sid biex isir żvilupp kbir fil-Qala, u dan sabiex jevita li jkun hemm Assessjar tal-Impatt fuq l-Ambjent. Dan billi hemm sitt applikazzjonijiet separati biex isir żvilupp fuq medda ta’ 30,000 metru kwadru ta’ art.

Id-dikjarazzjoni falza li tkun sid hija offiża kriminali li wieħed jista’ jeħel sentejn ħabs tagħha. Tista’ twassal ukoll biex il-permess jiġi revokat.

Investigazzjoni mit-Times of Malta żvelat li Portelli huwa l-moħħ wara proġett residenzjali kbir biex jinbnew 165 appartament, li l-applikazzjonijiet għalihom kollha tressqu minn persuni differenti li għandhom xi rabta ma’ Portelli. Il-gazzetta qalet li skopriet dikjarazzjoni falza fi tnejn mill-applikazzjonijiet dwar min hu sid l-art.

Fit-tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-kelliema ċaħdet “assolutament” li kien hemm xi dikjarazzjoni falza fir-rigward ta’ min hu sid l-art b’rabta mal-applikazzjoni. Żiedet tgħid li l-kumpanija lesta tieħu azzjoni legali kontra min jallega dan. Qalet li “d-dikjarazzjoni tal-pussess tal-art hija kompletament irrelevanti għall-proċess tal-ippjanar, u l-kumpanija ssostni li d-dikjarazzjoni li saret hija valida.”

Times of Malta kienet ippubblikat iċ-ċertifikat tal-pussess oriġinali li wera li s-sid kien Carravan Company Limited li mhuwiex konness ma’ Portelli jew ma’ xi wieħed mill-individwi li applikaw għall-permess skont id-dokumenti uffiċjali tal-kumpanija. Dan iċ-ċertifikat inkiseb fit-3 ta’ Jannar.

Skont l-Att tal-Ippjanar Artiklu 71 (4), applikant li jkun irid jikseb permess għall-iżvilupp irid juri li hu sid l-art jew li avża lil sid l-art bl-intenzjoni tiegħu li japplika b’ittra reġistrata li trid tingħata kopja tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar, u li s-sid ta permess biex isir dan l-iżvilupp.

Il-kelliema qalet li t-talba biex tinbidel id-data meta tittieħed deċiżjoni dwar dan il-permess saret fit-8 ta’ Jannar qabel ma deher artiklu fuq din l-art f’xi gazzetta lokali.