Pope Joan – spettaklu eċċitanti minn Teatru Malta

Darrin Zammit Lupi

Read in English.

Teatru Malta flimkien mal-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta se jippreżentaw il-produzzjoni tas-sajf Pope Joan fil-Foss tal-Imdina fis-6, 7, 9, 10, 11 u 12 ta’ Lulju.

B’direzzjoni tal-Ġermaniża Irene Christ, dan l-ispettaklu, li jifforma parti mill-festival tas-Sajf li kulħadd ikun qed jistenna, se jwassal għar-ritorn tagħha bħala direttriċi fix-xena lokali wara s-suċċess eċċezzjonali fl-2008 bid-dramm Tattoo ta’ Dea Loher. Christ ilha midħla tat-teatru f’Malta. Ħadmet bħala kemm bħala attriċi kif ukoll bħala direttriċi hawnhekk u barra għal għadd ta’ snin.

Ilu xhur sħaħ li beda x-xogħol fuq dan l-ispettaklu eċċitanti li se jsir fl-apert, bl-attriċi ewlenija Maria Buckle taħdem mal-bqija tal-kast bravu biex tirrakkonta l-istorja ta’ prodiġju li tagħżel li tisfida l-ostakli kollha billi tieqaf lis-soċjetà estremament konservattiva u ddominata mill-irġiel li twieldet fiha.

Darrin Zammit Lupi

Joan hija mara b’saħħitha u determinata li ma tieqafx qabel tikseb l-għarfien li hija ġiet imċaħħda minnu inġustament. Għaliex? Minħabba li kienet mara, mara li rrifjutat li taċċetta l-limitazzjonijiet li ġew sfurzati fuqha. Minflok, hija webbset rasha u tgħallmet taqra bil-moħbi ta’ missierha billi libset ta’ tifel biex tkompli t-tagħlim tagħha f’monasteru fejn ġiet aċċettata bħala patri maskili sakemm eventwalment saret, kif tgħidilna l-leġġenda, l-ewwel u l-unika Papa mara li qatt eżista.

Christ mhux xi waħda li żżomm lura milli tindirizza temi jaħarqu bħall-feminiżmu, l-identità tal-ġeneru jew ir-reliġjon u għaldaqstant ninsabu ħerqana biex naraw kif beħsiebha tinterpreta dan ix-xogħol ibbażat fuq ir-rumanz ta’ Donna Woolfolk Cross fil-verżjoni adattata għall-palk minn Susanne Felicitas Wolf.

Darrin Zammit Lupi

Dan il-premiere se jimmarka l-ewwel darba li din il-produzzjoni se ssir bl-Ingliż, u x’kast eċċezzjonali għandna biex itellgħuha! Antonella Axisa, Chris Galea, Faye Paris, Alan Paris, Mikhail Basmadjian, Alex Weenink, Michael Mangion, Joe Depasquale, Stephen Mintoff u Peter Galea se jkollhom il-partijiet prinċipali flimkien mal-atturi żgħar, Ileana Sammut, Julian Zammit u Miguel Azzopardi. Il-kostumi u d-disinn tal-produzzjoni tħallew f’idejn Joachim Hamster Damm.

Pope Joan huwa possibbli bl-appoġġ tal-Festivals Malta, il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta, il-Kunsill Malti għall-Arti taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, il-Proġett ta’ Rijabilitazzjoni tad-Direttorat għar-Restawr, l-Istitut Goethe, l-Ambaxxata tal-Istati Uniti u l-German Maltese Circle.

Il-wirjiet jibdew fit-8.30 ta’ filgħaxija u huma adattati għal udjenzi li għandhom iktar minn 14-il sena. Għal biljetti u aktar informazzjoni dwar Pope Joan, żur kultura.mt jew il-paġna ta’ Facebook.