Popcorn Preview b’verżjoni iqsar u sajfija

Ruth Frendo waqt l-ewwel programm ta' Popcorn Preview

Tul is-sena, il-producer u preżentatriċi Ruth Frendo toffri l-programm Popcorn fejn ta’ kull ġimgħa titkellem dwar ħames films differenti li jkunu qed jintwerew fis-swali taċ-ċinema f’pajjiżna. Iżda tul dawn l-aħħar xhur u minħabba l-pandemija u minħabba li ċ-ċinemas kienu magħluqin, Ruth kienet qed titkellem dwar il-films li wieħed seta’ jara mid-dar.

“Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat, u peress li qattajt ħafna iftar ħin mis-soltu d-dar, erġajt rajt ħafna films li kien ilni s-snin ma nara. Filwaqt li nammetti li ħadt pjaċir nerġa’ nara xi films favoriti, jkolli nammetti li l-atmosfera li toffrilek iċ-ċinema immisjajtha. Għalhekk ninsab fis-seba’ mitt sena li għal darb’oħra se nkun nista’ nerġa’ nibda nara l-films fiċ-ċinema, filwaqt li nitkellem dwarhom waqt il-programm,” spjegat hi.

Minbarra li jidher it-trailer ta’ kull wieħed mill-films li Ruth titkellem dwarhom, waqt il-programm hi ssemmi wkoll għal min huma l-aktar addattati filwaqt li anki tispjega x’qed jgħidu l-kritiċi internazzjonali dwar kull film partikolari.

“F’kelma oħra, lit-telespatturi ngħidilhom jekk fl-opinjoni tiegħi u tal-kritiċi internazzjonali, il-film ikunx tajjeb jew le,” spiċċat tgħid hi.

Fl-ewwel programm, Ruth se titkellem dwar it-thriller drammatiku tal-fantaxjenza mimli bl-azzjoni Bloodshot u dwar il-film tal-biżgħa u tal-fantasija mimli bl-avventura Fantasy Island.

Popcorn Preview jibda jixxandar minn nhar is-Sibt fis-7pm fuq l-istazzjon One, b’repetizzjoni nhar ta’ Ħadd fis-07:45 u nhar ta’ Ġimgħa fl-10pm.