Pont ġdid għan-nies u għar-roti fi Blata l-Bajda

Infrastructure Malta ħabbret li se tkun qed tibni pont pedonali ġdid fi Blata l-Bajda bil-għan li tħaffef l-ivjaġġar bil-mixi jew bir-rota bejn dawn l-inħawi, il-Ħamrun, il-Furjana u l-Marsa.

Fi stqarrija, Infrastructure Malta spjegat li l-pont b’disinn tond se jinbena fl-2019 fuq Triq San Ġorġ Preca, ħdejn il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM. Din l-istruttura se tgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana. Se jitjieb ukoll l-aċċess għall-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fuq kull naħa, u li jintużaw ħafna minn dawk li jivvjaġġaw minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.

Għaldaqstant infetħet sejħa għall-offerti biex jinbena dan il-pont li se tgħalaq fit-12 ta’ Diċembru 2018. Sadattant, Infrastructure Malta qed tikkonsulta mal-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għal dan l-iżvilupp.