Pont Imrieħel: Se titlesta l-evalwazzjoni tal-offerti

L-evalwazzjoni tal-offerti biex jinbena l-pont pedonali fl-Imrieħel “waslet biex tiġi konkluża”. Dan għandu jwassal biex ikun evitat il-periklu għall-persuni li jaqsmu min-naħa għall-oħra tal-bypass li tgħaddi minn Ħal Qormi.
L-informazzjoni dwar l-evalwazzjoniji tal-offerti ngħatat mill-Ministru tal-Infrastruttura Joe Mizzi bi tweġiba lid-deputat tal-PN, Ryan Callus.
Fi Frar li għadda, kelliema għall-Ministeru qalet li l-proċess tat-tendering kellu jitlesta fis-16 ta’ Frar meta min issottometta l-interess tiegħu fiż-żewġ fażijiet ta’ qabel, ġie mistieden iressaq il-Best and Final Offer tiegħu.
Spjegat li wara li jitressqu s-sottomissjonijiet, dawn se jiġu evalwati skont liema fosthom tkun l-iktar ekonomikament vantaġġjuża. L-istimi oriġinali kienu li l-pont jiswa ftit aktar minn €350,000.
Fil-21 ta’ Awwissu 2005 fi Triq is-Sebħ, jew aħjar fil-bypass tal-Imrieħel, żewġ tfajliet Qriema, Emma Housley ta’ 17-il sena  u Graziella Fenech ta’ 13-il sena tilfu ħajjithom wara li tajrithom karozza waqt li qed jaqsmu t-triq.