Pont Ġenova: “Negliġenza li ma tinħafirx” – Il-PM Taljan

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li l-investigazzjoni li saret fuq it-tiġrif tal-pont operat minn Atlantia wriet li kien hemm “azzjonijiet serji ta’ negliġenza li ma jistħoqqilhomx maħfra.”

Conte qal lill-ġurnal La Repubblica li l-Gvern kien qed joqrob lejn deċiżjoni dwar jekk għandux jirrevoka l-konċessjoni ta’ Atlantia għal awtostrada, wara li f’Awwissu tal-2018 iġġarraf pont f’Ġenova u 43 persuna tilfu ħajjithom.

Il-Prim Ministru spjega li deċiżjoni bħal din għandha tkun ibbażata fuq assessjar tekniku u ġudizzjarju ta’ jekk il-kumpanija kisritx l-obbligi tagħha. Qal li f’dan l-istadju, huwa evidenti li xi ħadd żbalja u hu responsabbli għal azzjonijiet serji ta’ negliġenza.

Min-naħa tagħha, Atlantia ċaħdet li għamlet xi ħaġa ħażina, u qalet li dejjem imxiet skont il-prassi fl-aġir tagħha.

Atlantia timmaniġġja l-ikbar network ta’ awtorstrada fl-Italja, b’kobor ta’ 3,000 kilometru. Hija waħda mis-26 operatur tal-awtostradi fl-Italja.