Pompi tal-petrol: “Reviżjoni ambigwa u mgħaġġla” – il-Kummissjoni Ambjent

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent qalet li t-tħejjija tad-dokument dwar ir-reviżjoni tal-policy dwar il-pompi tal-petrol saret “b’ħafna għaġla”. Il-Kummissjoni staqsiet jekk ir-reviżjoni hijiex ambigwa apposta u stqarret li l-għaġla forsi ġiet minħabba l-protesti li saru u li skont il-Kummissjoni kienu qed jibdew jimbarazzaw lill-awtoritajiet.

Fi stqarrija dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni qalet li tħoss li ma ntużatx ir-reqqa mistennija qabel ma ġiet ippubblikata r-reviżjoni.

AQRA: Konsultazzjoni pompi tal-petrol: Ċans li l-PA tikkunsidra art ODZ

Il-Kummissjoni elenkat ambigwità dwar pompi tal-petrol fuq art agrikola li min-naħa jissemma li dawn jistgħu jitneħħew minn art agrikola u l-art terġa’ tibda titħaddem għall-użu agrikolu u f’parti oħra tad-dokument jissemma li ebda pompa tal-petrol mhi se titħalla tinbena fuq art agrikola. Il-Kummissjoni staqsiet kif tista’ l-art terġa’ ssir art agrikola, jekk suppost li ma nbniet l-ebda pompa tal-petrol fuqha.

Skont il-Kummissjoni, it-terminu ‘rilokazzjoni’ għandu jiġi speċifikat billi jiddefinixxi d-distanza bejn il-pompa tal-petrol l-antika u dik li se tkun qed tinbena flokha. Spjegat li pompa tal-petrol tipprovdi servizz lill-vetturi li jkunu għaddejjin minn inħawi partikulari u għalhekk għndha tkompli tforni dan is-servizz kemm jista’ jkun fl-istess lokalità ġenerali.

Il-Kummissjoni temmet tgħid li fi żmien li l-Gvern stess qed jippromwovi bidla minn karozzi jaħdmu bid-diesel jew petrol għal sorsi oħra ta’ enerġija, ir-rilokazzjoni tal-pompi tal-petrol eżistenti qed issir irrelevanti.

Tista’ taqra l-istqarrija sħiħa hawn: