Pompi tal-Petrol: Fi tmien snin se jitwaqqfu l-karozzi li jniġġsu

Fuel

Emendi għall-politika tal-pompi tal-petrol mistennija li jwaqqfu l-karozzi li jniġġsu mit-toroq f’Malta.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal fil-Parlament li l-Gvern qed jemenda l-politika dwar il-pompi tal-petrol biex ikun f’pożizzjoni li jwaqqaf l-importazzjoni tal-karozzi li jaħdmu bil-karburanti fossili (fossil fuel) fi żmien tmien snin.
Meta kien qed jitkellem f’għeluq id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, il-Ministru qal li bil-ftuħ tal-power station li taħdem fil-gas, l-emissjonijiet fl-arju naqsu b’87%. 
Huwa qal li l-ikbar sors ta’ tniġġiż fl-arja ġej mill-produzzjoni tal-elettriku u wara hemm l-emissjonijiet li joħorġu mill-karozzi. Il-Ministru qal li illum il-Gvern mhux f’pożizzjoni li jnaqqas il-karozzi fil-pajjiż ħlief li joħroġ iktar inċentivi għax-xiri ta’ karozzi hybrid jew jaħdmu bl-enerġija mix-xemx.
Dwar is-separazzjoni tal-iskart, il-Ministru qal li l-kritika li saret mill-oppożizzjoni dwar il-pieni kriminali li qed ikunu proposti f’dawn l-emendi mhux ġustifikati. Il-Ministru qal li bl-edukazzjoni dwar is-separazzjoni tal-iskart mhux biżżejjed għax qal li “bl-edukazzjoni biss ilħaqna biss 12% waqt li ċ-ċifra trid titla’ għal 65% sa għaxar snin oħra”.
Id-deputat Robert Cutajar qal li f’Tas-Sliema, f’San Ġiljan u f’San Pawl il-Baħar intefa’ terrapien fil-baħar.
Hu qal li Malta għandha l-akbar żieda tas-CO2 u emissjonijiet fl-UE. 
Karol Aquilina qal li l-komunità ta’ Pembroke hi rrabjata għal proġett fil-bajja ta’ San Ġorġ tant li hemm 3,500 oġġezzjoni għal dan il-proġett li qal li minnu se jibbenefikaw ftit nies. 
F’battibek mal-Ministru Ian Borg, David Agius appella lill-Gvern biex ma jagħmilx il-by-pass ta’ Ħ’Attard għaliex qal li din se teqred art agrikola u se ġġib it-traffiku iktar qrib in-nies.