Pompi tal-fjuwil: Herrera jgħid li reviżjoni mistennija sal-aħħar ta’ April

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li r-reviżjoni tal-politika dwar il-pompi tal-fjuwil mistennija toħroġ sal-aħħar ta’ April.

Huwa qal dan fil-programm Follow-Up fuq RTK immexxi minn Sylvana Debono fejn fost l-oħrajn huwa tkellem ukoll dwar l-użu tal-enerġija alternattiva.

Qal li jaqbel li l-politika tal-pompi tal-fjuwil għandha tinbidel minn dik li kienet ħarġet fl-2015. Qal li dakinhar l-intenzjoni tal-Gvern kienet li l-pompi tal-petrol ma jibqgħux iktar fiċ-ċnetru tal-lokalità iżda joħorġu ‘l barra mill-ibliet. Fisser li din il-politika ġiet użata ħażin u għaldaqstant, skont il-Ministru Herrera, il-Gvern ra li għandu jibdilha.

Il-Ministru Herrera fisser kif din il-politika partikolari għandha x’taqsam mal-ambjent u għaldaqstant wara li r-riforma saret mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għaddiet għand l-Awtorità tal-Ippjanar.

Spjega li d-diskussjoni bejnu u bejn il-Ministru Ian Borg, li huwa responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar, tawwlet il-proċess iżda fi kliemu “jippreferi li flok tiġi deċiża f’sitt xhur, tiġi deċiża f’sena” biex il-politika tkun iffukata wkoll fuq l-ambjent.

Fil-programm huwa qal li movimenti u gruppi ta’ pressjoni bħalma hu l-Moviment Graffitti huma essenzjali f’demokrazija u huwa tajjeb li l-politiċi “jibżgħu” minnhom biex jagħmlu xogħlhom aħjar.

Għal dawn l-aħħar erbat ijiem, membri tal-Moviment Graffitti kkampjaw fit-triq li tagħti għall-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Filmat: Assedju ta’ kampijiet minn Moviment Graffitti quddiem il-PA

Enerġija alternattiva

Ippreżentat bl-idea li jekk il-karozzi bil-fjuwil jinbidlu għall-karozzi tal-elettriku t-tniġġis jibqa’ l-istess, il-Ministru Herrera qal li t-tniġġis jonqos għax il-powerstation li tkun qed tiġġenera l-elettriku għall-karozzi wkoll tkun qed taħdem bil-gass u mhux bil-Heavy Fuel Oil.

Il-Ministru semma li hemm studji li jindikaw li fil-futur qarib, l-elettriku jkun jista’ jiġi trasferit bl-arja u għaldaqstant, il-ġenerazzjoni tal-elettriku tista’ tibda ssir f’partijiet rimoti tad-dinja b’enerġija alternattiva bħalma hu d-Deżert tas-Sahara. Qal li t-teknoloġija tant timxi b’rata magħġla li hija inkredibli.

Huwa ma weġibx għall-mistoqsija għalfejn qed ikun hemm pompi tal-fjuwil akbar meta resqin lejn l-użu tal-elettriku.