Politiku Russu jgħid li kiseb biżżejjed nominazzjonijiet biex jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali

Il-politiku tal-Oppożizzjoni fir-Russja, Alexei Navalny, qal li kiseb biżżejjed nominazzjonijiet biex ikun jista’ jikkontesta kontra l-President Russu Valdimir Putin fl-elezzjonijiet presidenzjali f’Marzu li ġej.

Skont il-midja internazzjonali, il-partitarji tiegħu ltaqgħu f’madwar 20 belt madwar ir-Russja biex jiġbru l-firem neċessarji.
Madanakollu, għadd hemm il-possibilità li Navalny ma jitħalliex jikkontesta l-elezzjoni peress li Uffiċjali Elettorali qalu li mhuwiex eliġibbli biex jagħmel dan minħabba kundanna ta’ korruzzjoni. Navalny għadu jsostni li din l-akkuża kellha mottivi politiċi warajha.
F’attività politika f’Moska, Navalny saħaq li Putin huwa “president ħażin”. Stqarr li jekk ma jitħalliex jikkontesta, hu se jkun qed isejjaħ għal bojkott kontra l-elezzjoni.
Huwa maħsub li Navalny huwa l-unika kandidat li għandu ċans jirbaħ kontra Putin, li qed jipprova jirbaħ ir-raba’ elezzjoni Presidenzjali tiegħu.