“Politikament ma narawx għajn ma’ għajn imma…”

Bħalissa għaddej il-ġbid fuq is-sensiela L-Ispettur ibbażata fuq it-triloġija ta’ L-Ispettur Bonnici li Mario Philip Azzopardi kien tella’ għat-teatru u anki ppubblika bħala ktieb.

Dan ix-xogħol issa ġie addattat għat-televiżjoni u se jibda jixxandar fuq TVM minn April. B’kollox hemm 10 puntati.

Mario Micallef se jkun qed jerġa’ jinterpreta l-parti prinċipali ta’ L-Ispettur Bonnici u jingħaqdu wkoll miegħu bosta atturi bħal Monica Attard u Clint Chircop li wkoll dehru fil-produzzjoni oriġinali fit-teatru.

L-istess għal Salvu Mallia li deher fit-tielet kapitlu tal-istorja li kienet ittellgħet fit-Teatru Manoel.

“Politikament ma narawx għajn m’għajn iżda, li taħdem ma Salvu Mallia huwa unur u pjaċir. Huwa artist ta’ veru,” ikkummenta b’mod pubbliku Mario Philip Azzopardi dwar is-sehem ta’ Salvu Mallia f’din is-sensiela ġdida.

Ritratt: Facebook/MarioAzzopardi

Inċidentalment Mallia huwa wkoll il-moħħ wara l-istorja Merjen li ġiet addattata għat-televiżjoni u qed tixxandar nhar ta’ Ġimgħa fuq l-istazzjon One fil-ħin tad-9pm.