Politika tajba għas-servizz tal-Paċi

Il-Papa Franġisku jtajjar ħamiema - simbolu tal-paċi - fi Pjazza San Pietru

“Il-Paċi f’din id-dar!” B’dan il-kliem il-Papa Franġisku jsellem lid-dinja fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi li l-Knisja Kattolika din is-sena qed torganizza għat-52 darba. Il-Papa ħa dan il-kliem ta’ Kristu li nsibu fil-Vanġelu u nnota li d-“dar” li għaliha jirreferi Ġesù hi kull familja, kull komunità, kull pajjiż u kull kontinent.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan illum xandar il-messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Jum Dinji tal-Paċi li l-Knisja Kattolika tiċċelebra fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena.

Fil-messaġġ tiegħu l-Papa tkellem dwar “politika tajba għas-servizz tal-paċi” u qal li dawk li għandhom kariga politika, iridu jeżerċitaw ix-xogħol tagħhom f’servizz għall-oħrajn u jibbażaw din il-ħidma fuq is-sisien tal-karità u l-virtujiet umani.

Fl-istess waqt il-Papa widdeb dwar il-vizzji li jistgħu jolqtu l-politika, fosthom il-korruzzjoni, ix-xenofobia, ir-razziżmu, in-nuqqas ta’ ħarsien tal-ambjent u d-disprezz għall-persuni eżiljati.

“Meta l-eżerċizzju tal-poter politiku jaħseb biss biex iħares l-interessi tal-ftit individwi privileġġjati, il-futur ikun kompromess u ż-żgħażagħ jibdew jitilfu l-fiduċja”, kiteb il-Papa fil-messaġġ tiegħu.  Hu ħeġġeġ biex ikun hemm politika li “ġġib ‘l quddiem it-talenti u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ” biex ikun hawn il-paċi.  “Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu biex tinbena d-dar komuni.”

Papa Franġisku rrifjuta l-politika tal-intimidazzjoni u l-biża’ u kkundanna “t-tixrid bla kontroll tal-armamenti.”  Hu nsista li l-paċi hi bażata fuq ir-rispett ta’ kull persuna, rispett għal-liġi u l-ġid komuni u rispett lejn l-ambjent kif ukoll fuq it-tradizzjoni morali li wrietna minn ġenerazzjonijiet passati.

Il-Papa għalaq il-messaġġ tiegħu għal Jum Dinji tal-Paċi billi qal li l-paċi “hi frott ta’ proġett politiku kbir bażat fuq ir-responsabbiltà ta’ kulħadd u l-interdipendenza tal-bnedmin. Iżda hi wkoll sfida li rridu niffaċċjaw kontinwament – sfida li titlob minnha konverżjoni tal-qalb u tar-ruħ.”