Politika personalizzata tista’ tiffavorixxi klijenteliżmu – l-Ombudsman

Read in English.

L-Ombudsman Anthony C. Mifsud qal li politika li tagħmel “amministrazzjoni pubblika wisq personalizzata tista’ tagħti lok u tiffavorixxi klijenteliżmu, partiġġjaniżmu u diskriminazzjoni”. L-Ombudsman qal dan fl-Ombudsplan għas-sena li ġejja fejn ġie ppubblikat il-pjan amministrattiv u finanzjarju għas-sena 2020.

Id-dokument jgħid li l-Ombudsman jista’ jidgħajjef jekk l-amministrazzjoni pubblika tkun indirizzata biex tissodisfa l-bżonnijiet, l-ispirazzjonijiet u pretensjonijiet tal-individwi aktar milli biex itejbu l-ġid komuni billi jagħtu lil kull persuna dak li ħaqqha.

L-Ombudsman jisħaq li waqt li hu sewwa li d-deċiżjonijiet amministrattivi jkunu immirati biex jilqgħu b’mod konkret għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini xorta waħda dawn għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u regolamenti li jimponu li l-ġid jitqassam b’mod ġust u ekwu, trasparenti u kontabbli.

Ċittadin aggravat jiġi f’ċirkostanzi bħal dawn, inkuraġġit ifittex redress għall-inġustizzja li jallega li sofra mhux billi jirrikorri għall-istituzzjonijiet bħall-Ombudsman, imwaqqfa biex jassigurawlu l-ġustizzja u jagħtuh raġun jekk jistħoqqlu, imma li jersaq lejn strutturi amministrattivi li ma jkunux marbutin li jqisu l-ilment tiegħu bl-istess mod rigoruż, bl-applikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, u bl-ekwità. Strutturi maħluqa biex jaqdu liċ-ċittadin iżda li jistgħu jagħtu lok għall-konvenjenza u opportuniżmu. Dan ikun kontra l-ispirtu ta’ amministrazzjoni pubblika tajba.

L-Ombudsman esprima ruħu favur mekkaniżmi amministrattivi interni li jipprovdu mezz ta’ redress biex jiġu korretti inġustizzji. Dan filwaqt li dejjem insista li dawn għandhom ikunu regolati sewwa. Semma kif dan il-qafas jassigura trasparenza u kontabilità.