Politika b’theddid tħalli konsegwenzi koroh

Artiklu miktub minn Salvu Felice Pace

Protesti, Riots, Protests
Ritratt minn ev, unsplash.com

Dak li rajna jseħħ nhar l-Erbgħa f’Washington DC ma seħħx b’kumbinazzjoni. Seħħ minħabba l-irresponsabbiltà tal-President Donald Trump li wara li għamel dak kollu li kienet tippermettilu l-liġi biex jirrevedi r-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali tat-3 ta’ Novembru 2020 li għadda ma kien wassal għal ebda tibdil fir-riżultat.

Il-President Trump kien wissa qabel l-elezzjoni li hu ma kienx ‘tellief’ min-natura tiegħu. Kien għamilha ċara daqs il-kristall li kien “bad loser”, ma jammetti qatt li seta’ jitlef. Dawk l-eluf li minn stati differenti nġabru quddiem l-għolja Capitol fejn jiltaqgħu l-ogħla istituzzjonijiet leġiżlattivi kienu ġew imsejħa biex imorru hemm u biex jagħmlu pressjoni fuq il-Viċi President Pence biex bażikament jikser il-Kostituzzjoni Amerikana u jipprova jaqleb ir-riżultat li wassal lil Joe Biden jiġi ddikjarat bħala President-elett, li għandu kull dritt li jinħatar President nhar l-20 ta’ Jannar 2021.

Fir-rally li għamel nhar l-Erbgħa, Trump xewwex fuq li xewwex u l-elementi vjolenti li jeżistu f’kull soċjetà għamlu dak li għamlu biex nies sfaw mejtin, oħrajn midruba u l-forzi tal-ordni kellhom ukoll il-vittmi tagħhom. Imma dawk kienu biss il-vittmi umani. Kienet vittma kbira r-reputazzjoni tal-Istati Uniti bħala pajjiż demokratiku li suppost jemmen fil-libertà u fiż-żamma tal-liġi u l-ordni. L-invażjoni fil-binja tal-Capitol ma kinetx protesta, imma attentat li tittieħed il-ħakma bil-forza.

X’periklu poġġa lill-Istati Uniti f’dawk is-sigħat koroh? Seta’ ttieħed vantaġġ minn pajjiżi ostili mal-Amerka jew minn gruppi terroristiċi. Seta’ kien hemm xi assassinju politiku, fl-aħħar mill aħħar id-djar ta’ żewġ politiċi wieħed Repubblikan u oħra Demokratika kienu attakkati minn atti vjolenti għax kienu opponew l-attitudni ta’ Trump u l-mod kif baqa’ jinsisti sa nhar l-Erbgħa stess “that we will be President”. Il-we (aħna) minn fejn ġabha? Dak kliem li kienu jużaw l-imperaturi, mhux mexxejja Repubblikani mtellgħa bil-voti tal-poplu.

Hemm ħafna tagħlimiet x’jittieħdu minn dak li seħħ fl-Amerka. L-ewwelnett dak li seħħ seta’ kien evitat li kieku l-forzi tal-ordni ħadu passi biex jiddefendu b’kull mod possibbli l-awtoritajiet kostituzzjonali. It-tieni l-Partit Repubblikan kien messu ngħaqad fl-aċċettazzjoni tar-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali anke akkost li jkeċċu lil Trump mill-Partit. Ta’ dan hemm prezz kbir x’jitħallas għax Trump determinat li se jibqa’ xewka fl-istess Partit għax għandu interess li jibqa’ joħloq inkwiet biex il-politika ta’ rikonċiljazzjoni tfalli.

Aħna f’Malta kellna esperjenzi koroh frott tal-politika ta’ theddid. L-inkwiet, l-imwiet u l-vjolenza tas-snin 70 u 80 kienu konsegwenzi ta’ dik it-tip ta’ politika. U meta Alfred Sant u Joseph Muscat kienu ħarġu bil-gidba li l-partnership kien rebaħ fir-referendum dwar l-Ewropa fl-2003 u kienu ħarġu l-partitarji tagħhom biex jiffesteġġjaw, kienet il-kalma u l-għerf ta’ Eddie Fenech Adami li kienx ikollna xi ħaġa simili ta’ dak li seħħ f’Washington.

Artiklu miktub minn Salvu Felice Pace