Politiċi b’riħa ta’ korruzzjoni jridu jiġu sospiżi – Prof. Mangion

Il-Professur Raymond Mangion qal li jekk membru parlamentari jew persuna f’kariga għolja fiċ-ċivil tinqabad f’każ ta’ korruzzjoni, għandha tiġi sospiża immedjatament. Żied jgħid li l-inkjesta u s-sentenza għandhom jingħataw f’perjodu ta’ żmien limitat, sabiex l-akkużat jerġa’ lura fil-kariga tiegħu malajr f’każ li ma jkunx hemm provi.

Fid-diskors tiegħu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja, il-Professur Raymond Mangion iffoka fuq l-iżvilupp mgħaġġel ta’ Malta, u għamel numru ta’ suġġerimenti, ewlieni fosthom kien bidla fil-Kostituzzjoni, biex tiġġieled aħjar il-korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern.

Mangion qal li l-Kostituzzjoni trid tiġi aġġornata “aktar u aktar wara l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar xhur meta l-għaqda u s-sliem fostna l-Maltin kienu mhedda u preġudikati.”

Huwa żied illi dan il-metodu kieku jevita l-akkużi u l-insulti u l-Istat tad-Dritt jingħata ħajja ġdida. Irridu “inseddqu l-għaqda u s-sliem” minflok “nitwiegħru ma’ xulxin b’iktar firda u mibegħda.” Din il-firda u mibegħda hi differenti mill-imġiba tagħna fl-1565 u fl-1940-45 “meta ssilitna bi ħtiega lill- aggressuri estranji, militari jewwilla reliġjużi,” qal Mangion.

Flimkien ma’ din il-bidla, Mangion irrimarka li missu jiġi appuntat ombudsman għall-midja biex jaċċerta li l-att tal-midja jkun jaqbel mal-etika ġurnalistika. Insista wkoll li d-drittijiet ambjentali għandhom jingħataw iżjed prominenza.

Il-Maltin, qal Prof. Mangion saru jingħaqdu “meta nirnexxu ekonomikament u meta l-ġid jitqassam skont il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali […] akkost li nistupraw in-natura u l- ħolqien bil-kreaturi tal-art, tal-baħar u tas-sema li jiffjorixxu fihom.” Żied jgħid li jidher li blokka flettijiet hi aktar prestiġjuża minn sit arkeoloġiku, l-estetika u s-simmetrija.

Min-naħa l-oħra, Mangion faħħar lil Malta tal-progress pożittiv li għamlet; talli naqqset l-istigma u t-tabù ma’ nies bi problemi b’ġisimhom jew problemi psikjatriċi, tad-dedikazzjoni tal-Maltin lejn l-inklużjoni, talli l-età biex tivvota niżlet għal 16-il sena, u għal liġijiet ta’ trasparenza politika.

Prof. Mangion temm diskorsu billi qal: “Għandna noqogħdu attenti li nleħħnu isem Malta tagħna b’razzjonalità, riflessjoni u skruplu kull meta nkunu qegħdin nipparteċipaw u nikkontribwixxu d-dehen u t-talenti tagħna f’territorji oħrajn, ikunu xi jkunu l-istatus u ċ-ċirkostanzi, u mhux niftħu ħalqna beraħ b’egoiżmu, b’infedeltà u b’disprezz a skapitu tal-interess tagħna stess. Għandna nkunu gladjaturi ta’ ġieħna. Għandna nkunu alleanza ta’ pożittività. Għandna nkunu konċilju ta’ sedqa fl-għaqda u s-sliem, u fuq kollox l-imħabba, kif jixraq lill-ulied kollha ta’ “din l-art ħelwa”, l-omm tagħna lkoll.”