​Policy ġdida dwar visa għal studenti barranin li jistudjaw Malta

Tnediet policy b’kundizzjonijiet ġodda dwar il-visa li tingħata lil studenti ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja u li jkunu jridu jistudjaw f’Malta.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, dak tat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi qalu li dawn il-linji-gwida għandhom l-għan li jżommu r-reputazzjoni tajba li diġà kisbet Malta fis-settur tal-edukazzjoni.
Ġie spjegat li studenti li jkunu ġejjin minn pajjiżi barra mill-UE biex jistudjaw f’Malta, jista’ jkollhom bżonn ta’ visa, li tista’ tiġi estiża skont il-perijodu ta’ studju. Il-Ministeru qal li din se tgħin ukoll lill-intrapriżi privati li jaħdmu f’dan is-settur. 
Fost it-titjib propost, hemm dik li Malta tilħaq iktar studenti ġejjin minn pajjiżi li fihom Malta m’għandhiex preżenza konsulari, tassigura li studenti ġenwini jingħataw visa biex iżuru Malta, u tipprovdi opportunità jew inċentivi biex dawn il-barranin isibu impjieg jew jibdew karriera f’Malta.