​Polemika fil-Parlament dwar pazjent ieħor li jmut f’kuritur ta’ Mater Dei

Il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari fil-Parlament illejla ttieħed kważi kollu minn polemika li qamet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni wara li l-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi kkonferma mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, li llum miet pazjent ieħor li kien qed jiġi kkurat fil-kuritur tal-isptar Mater Dei.
Waqt li nsista li l-pazjent ingħata l-kura kollha li kellu bżonn  u li miet mhux minħabba li kien fil-kuritur imma għax il-kundizzjoni ta’ saħħtu kienet dik li kienet, il-Ministru Mizzi assigura lil dawk preżenti li l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin għandhom ħaddiema mill-iktar kapaċi biex jitrattaw il-każijiet fl-isptar.
Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li mhux aċċettabbli li llum il-ġurnata pazjent imut f’kuritur fl-isptar waqt li rrimarka li dan hu t-tieni każ fi ftit jiem. Fi stqarrija, il-PN saħaq li hu nkwetat bid-deterjorament mgħaġġel tas-servizzi tas-saħħa pubbliċi. Insista li ħadd ma jixraqlu li jmut f’kuritur ta’ sptar waqt li appella lill-Prim Ministru biex jibda jmexxi s-sitwazzjoni li issa ħarbitlu mill-kontroll tiegħu. Il-PN insista li l-pajjiż għandu bżonn urġenti ta’ roadmap għall-qasam tas-saħħa u li l-Partit Laburista, wara sentejn fil-Gvern, għad m’għandux dan il-pjan.
Ftit iktar minn ġimgħa ilu, il-PN żvela każ ta' pazjenta li mietet fil-kuritur. 
Fi stqarrija mmedjata, l-Isptar Mater Dei qal li l-pazjent fl-Extension Area tal-Ewwel Taqsima tal-Ammissjonijiet Mediċi, miet wara proċeduri ta’ CPR. Tenna li ngħata l-kura kollha skont protokolli standard u b’livell għoli ta’ professjonalità u dedikazzjoni mill-professjonisti fit-taqsima. Waqt li esprimiet il-kondoljanzi lill-qraba tal-persuna konċernata, it-tmexxija tal-isptar tenniet li Mater Dei għandu l-kapaċitajiet kollha li jitratta emerġenzi mediċi hekk kif jinqalgħu.