Polemika dwar ir-restawr ta’ Notre Dame

Il-Katidral ta' Notre Dame waqt li kien qed jinħaraq
Xahar wara li nirien qawwija għamlu ħsarat kbar fil-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi, filwaqt li qed isiru sforzi biex jibda x-xogħol ta’ restawr, il-kontroversja ma waqfitx.

Sal-lum hemm imwiegħda aktar minn $1 biljun biex jinbena mill-ġdid is-saqaf ta’ dan il-Katidral storiku fosthom il-miljunarju Franċiż, Francois-Henri Pinaul li wiegħed għotja ta’ aktar minn $100 miljun.

L-Arċisqof ta’ Pariġi Michel Aupetit qal li l-Fondazzjoni Notre Dame u d-djoċesi ta’ Pariġi qed ikomplu jaċċettaw donazzjonijiet għax l-ispejjeż biex isir ir-restawr meħtieġ huma kbar ħafna.

Kompetizzjoni internazzjonali

Il-President Franċiż Emmanuel Marcron li qal li jrid li x-xogħol fil-Katridral ikun lest fi żmien 5 snin, nieda kompetizzjoni internazzjonali għal disinn tas-saqaf tal-Katidral li nħaraq kompletament.

Fl-1789, fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, il-Katidral ta’ Notre Dame kien ġie nazzjonalizzat u sal-lum għadu proprjeta tal-Istat Franċiż. Il-liġi tagħti dritt esklussiv għall-użu lill-Knisja Kattolika, iżda l-Gvern irid jagħmel tajjeb għat-tiswijiet u l-mantenzjoni tal-knisja.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet “Crux”, il-ġimgħa li għaddiet l-Assemblea Nazzjonali Franċiża għaddiet liġi bl-iskop li “jsir ir-restawr u l-konservazzjoni tal-Katidral u li jitwaqqaf Fond Nazzjonali għal dan l-iskop”. Il-liġi kif proposta tgħid li sa 75% tad-donazzjonijiet li jsiru jkunu eżentati mit-taxxa u li l-awtorità tal-Istat tmexxi l-inizjattivi li jsiru fuq il-lant tax-xogħol u tagħti lill-President tar-Republika poteri esekuttivi biex jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn.

Proġett vanituż ta’ Macron?

Issa hemm kontroversja sħiħa dwar jekk dawn il-fondi hux se jintużaw biex ikun restawrat il-Katidral fuq id-disinn oriġinali tiegħu jew hux se jsir disinn ġdid jew wieħed modifikat.

Hafna esprimew it-tħassib tagħhom li l-President Macron jista’ juża’ l-poteri li tagħtu din il-liġi biex il-bini milll-ġdid tal-Katidral jagħmlu proġett vanituż tiegħu personali flok fl-interess nazzjonali. Oħrajn iddeskrivew l-għaġġla li qed tintwera filwaqt li membru tal-Assemblea akkuża lill-Gvern li qed jipprova jevadi l-liġijiet Franċiżi u Ewropej dwar il-“wirt, l-ambjent u l-ippjanar urban”.

Esperti tal-preservazzjoni u l-wirt ikkritikaw din il-liġi u 1,170 espert iffirmaw ittra lill-President Macron.

Skont stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika 54% tal-adulti Franċiżi jixtiequ li l-Katidral ikun restawrat għall-forma oriġinali tiegħu filwaqt li 25% jridu xi ħaġa aktar moderna. 21% qalu li ma għandhom ebda opinjoni.