Poġġu n-nies qabel il-profitti

Il-kura tan-nies għandha tkun fiċ-ċentru ta’ kull mudell ta’ negozju u għandħa tiġi qabel il-profitti.
Dan l-appell għamlu l-Papa Franġisku meta kmieni din il-ġimgħa kellu żjara minn uffiċjali u ħaddiema tal-Posta Taljana.
Il-Papa qal li l-Posta Taljana hi marbuta b’mod inseparabbli mal-ħajja u l-istorja tal-Italja tal-lum.
Matul iż-żmien is-servizz postali Taljan dejjem irrikonoxxa l-bżonn li jkompli jiġġedded, partikolarament fl-aħħar snin bl-avvanzi mgħaġġla fit-teknoloġija li kuljum tiżviluppa u nsibuha kullimkien u saret kważi qed tinvadi kull qasam.
Il-Posta Taljana, qal il-Papa “hi impenjata li tiffaċċja dawn l-isfidi epokali bi strateġija prudenti ta’ investiment f’teknooliġija ġdida u innovattiva, filwaqt li żżomm quddiem għajnejha l-ħtiġijiet ambjentali tad-dar komuni tagħna”.
Iżda dak li hu importanti fejn jidħol ir-ristrutturar u t-tiġdid, qal il-Papa, hu li l-kumpanija timplimenta strateġija ta’ negozju li tibqa’ fidila għas-sejħa oriġinali tagħha, li tkun għas-servizz taċ-ċittadin.
Kuntrarju għal-“loġika tas-suq” il-Papa appella lill-ħaddiema postali li fil-qalba tal-mudell tan-negozju tagħhom ipoġġu lin-nies u mhux il-profitti.
B’mod partikolari talabhom “biex dejjem ikollhom attitudni ta’ rieda tajba u disponibilità meta għandhom x’jaqsmu mal-pubbliku, filwaqt li l-klijenti għandu jkollhom il-paċenzja u juru korteżija.
“Għalkemm hu diffiċli, hu ferm important li kuljum ikollna attitudni li nisimgħu u nirrispettaw lil xulxin”, sostna l-Papa.
Franġisku temm jgħid li l-Posta Taljana l-prinċipju tal-interess tal-persuni dejjem żammitu kemm fir-rigward tal-klijenti tagħha kif ukoll fejn jidħlu l-impjegati tagħha u l-familji tagħhom.