Poġġu lin-nies qabel il-gwadann personali – Il-President Emeritu Mifsud Bonnici

Il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici ta parir biex dawk li jaħdmu għall-benesseri ta’ ħaddieħor għandhom ipoġġu lin-nies li jaqdu qabel kull gwadann personali.
Mifsud Bonnici, li huwa wkoll iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu (FTFEĠ), kien qed jitkellem waqt il-preżentazzjoni tal-Premjijiet tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà fil-Kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta.
Mifsud Bonnici rrimarka li ħadd ma jidħol għal professjoni bħal din biex isir sinjur. Qal li huwa importanti li professjonisti oħra jiftakru f’dan il-fattur li fil-fehma tiegħu jiddistingwi l-professjonijiet kollha.
Id-Dekan tal-Fakultà Prof. Andrew Azzopardi qal li l-isfida tal-akkademija mhix biss li wieħed ifittex studju ta’ eċċellenza u jappoġġja, jgħallem u jimmentorja studenti, iżda anki li jkun involut mill-qrib fil-komunità.
Marchita Mangiafico, studenta li qed tagħmel il-Masters fl-Istudji tad-Diżabilità, ingħatat il-Premju għall-Impenn Soċjali wara li ġiet innominata minn sħabha l-istudenti. Hi l-omm ta’ tifel li għandu diżabilità fiżika.
Mons. Victor Grech, l-ex Direttur ta’ Caritas Malta u xandar rinomat, ingħata l-Premju Dr Jacqueline Azzopardi għall-Impenn Soċjali.
Madwar 250 persuna kienu preżenti għal din iċ-ċerimonja.