“Poġġi lilek innifsek f’pożizzjoni ta’ missier” – Godfrey Farrugia lill-PM

Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Godfrey Farrugia ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex iqiegħed lilu nnifsu f’pożizzjoni ta’ missier li ma’ wliedu jżur il-Park tal-Majjistral.
Staqsih x’jagħmel jekk waqt li jkun qiegħed hemm, jisma’ taħdita fuq għasfur partikolari, kaċċatur jispara u joqtol għasfur ftit ‘il bogħod minnhom.
“Kif se tispjega x-xenarju negattiv u tlaqqgħu ma’ dak pożittiv,” staqsih Farrugia.
Huwa qal dan waqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti l-Avviż Legali dwar l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral, mill-10:00am sa 12:30pm u sas-2:30pm għall-insib.
“L-Oppożizzjoni mhux kapaċi tieħu pożizzjoni”
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Godfrey Farrugia qal li kellu jrodd is-salib darbtejn għax fi kliemu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista “qed taqbel mal-gaffa tal-Gvern.”
L-Oppożizzjoni ressqet emenda kontra l-mozzjoni mressqa mid-Deputat Godfrey Farrugia kontra l-estensjoni tal-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib fil-Park tal-Majjistral. L-emenda sejjaħ għal konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet involuti fil-kwistjoni.
Fi kliem Farrugia, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhux kapaċi tieħu deċiżjoni għax fi kliemu l-emenda tbenġel in-nuqqas ta’ deċiżjoni.
Qal li din l-emdna ma twassal imkien u ma ssolvi xejn.
“Iridu jaqdu lil Alla u lix-xitan fl-istess ħin,” saħaq Farrugia.
“Il-Gvern għandu bżonn twissija u twiddiba”
Kompla jgħid li l-Gvern għandu bżonn twissija u twiddiba ħalli jħares l-ambjent, il-ġid komuni, l-interess pubbliku u l-interess tal-familji, żgħażagħ u tfal.
Dwar il-ħinijiet tal-Kaċċa,  staqsa x’serħan tal-moħħ se jkollhom il-ġenituri u l-għalliema meta jieħdu t-tfal f’post fejn is-sigurtà tagħhom mhux garantita għax fil-Park mhux se jkun hemm kontroll.
“Jien dejjem kont favur il-kaċċa sostenibbli…imma hemm limiti”
“Jien dejjem kont favur il-kaċċa sostenibbli u favur il-passatemp tradizzjonali iżda bħal kull dritt hemm l-limiti u r-responsabbilitajiet,” kompla jgħid Dr Farrugia.
Kompla jgħid li wara konsultazzjoni li saret mal-Advisory Board tal-Park, kien hemm deċiżjoni unanima li jinħareġ l-Avviż Legali. Minkejja dan innota wkoll li ma saritx konsultazzjoni pubblika kif fi kliemu titlob il-liġi tal-ambjent.
“Ministru għandek kull dritt li toħroġ avviż legali iżda ma għandekx dritt li tuża l-poter tiegħek mhux b’mod korrett.”
Temm jisħaq li l-vot se jkun vot favur l-ambjent, favur il-ġejjieni ta’ Park Nazzjonali li jħares in-Natura.
Il-Gvern jaqbel mal-emenda tal-Oppożizzjoni
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni qed tilqa' b'sodisfazzjonn l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jivvota favur l-emenda mressqa minnu.
Qal li jemmen li f'dan il-każ rebaħ is-sens komun u issa se ssir konsultazzjoni mal-partijiet kollha involuti.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista qal  li l-Grupp Parlamentari tiegħu ma kellu l-ebda problema bl-emenda tal-PN għax ma tbiddel xejn mill-Avviż Legali u għax "il-konsultazzjoni kontinwa li titlob l-emenda dejjem kienet karatteristika ta’ dan il-gvern."
Qal li l-Partit laburista żamm mal-pożizzjoni tiegħu favur politika nazzjonali u awgura li l-Oppożizzjoni tieħu wkoll din l-attitudni u mhux topponi kull pass tal-Gvern.
"Il-PL u l-PN huwa partit wieħed kontra l-ambjent" – PD
B'reazzjoni, il-Partit Demokratiku qal li "Delia-PN" u "Joseph Muscat-PL" lesti jaħdmu flimkien biex inaqqsu il-ħin li matulu l-pubbliku jista' jgawdi s-sbuħija u l-paċi tal-Park tal-Majjistral.
L-Oppożizzjoni Demokratika talbet li jittieħed vot u għandu għandu jseħħ fis-seduta tal-lejla.
"Il-Ministru Herrera ma kellux il-kuraġġ jesprimi l-opinjoni tiegħu" – Birdlife
Min-naħa tagħha, Birdlife Malta qalet li l-Ministru Herrera ma kellux il-kuraġġ li jesprimi l-opinjoni tiegħu u spiċċa jirrepeti d-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru.
L-NGO qalet li l-Ministru ma jifhimx it-tifsira ta' park nazzjonali u sit Natura 200.
Saħqet ukoll li ż-żewġ partiti politiċi l-kbar ħadu lill-pajjiż lura għaż-żmien l-istatus quo ta' qabel l-2004.