Pogba se jibqa’ ma’ United – Solskjaer

Il-maniġer ta’ Manchester United Ole Gunnar Solskjaer qal li Paul Pogba se jibqa’ ma’ United u ċaħad l-ispekulazzjonijiet li ħarġu l-bieraħ dwar il-possibilità li Erling Haaland ta’ Red Bull Salzburg jingħaqad ma’ United.

Il-midfielder, Pogba kellu jirritorna għat-taħriġ wara li sofra minn injury fl-għaksa, iżda spiċċa ma jiflaħx u hemm ċans kbir li se jitlef il-logħba kontra Watford nhar il-Ħadd.

Min-naħa l-oħra, xi rapporti l-bieraħ qalu li Haaland qabad titjira ma’ missieru minn Stavanger ġewwa n-Norveġja għal Manchester. Iżda Solskjaer qal li ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena kien fuq btala tal-Milied. Solskjaer saħaq li Pogba li għandu 26 sena daqt jirritorna lura għat-taħriġ u m’għandu ħsieb li jitlaq minn Old Trafford ix-xahar li ġej.

Il-maniġer assigura li mhux se jkun qed ibiegħu f’Jannar. Stqarr li jispera li jkun jista’ jilgħab qabel tmiem din is-sena, iżda mill-banda l-oħra mhux se jkun qed jisfurzah biex jagħmel dan.