Poeżija: San Gużepp Ħaddiem

Mejju jiftaħ b’festa ħelwa
iddedikata lill-ħaddiema –
Kull min jagħmel xogħlu sewwa
M’għandux għax ikollu ndiema!

Xempju tal-ħaddiema kollha
Hu bla dubju San Gużepp –
Bniedem twajjeb, umli, sieket
U mżejjen b’qalb tad-deheb.

Lil Marija hu ħa b’martu
Għalkemm tqila bit-tarbija
Illi twieldet fl-għar ta’ Betlem
Bl-anġli jkantaw ferreħija.

F’nofs ta’ lejl Gużeppi telaq
Bit-tarbija fuq il-ħmara
Biex mill-qilla ta’ Erodi
Hu jeħlisha kollu ħrara.

Kif Gesu’ beda s-snin jagħlaq,
F’ta’ missieru l-ħanut
Beda jmur xi salib jagħmel –
Tgħid kien jaf fuqu se jmut!

Għax biex jgħajjex lil Marija
Gużeppi l-mastrudaxxa
Kien filgħodu l-ħanut jiftaħ
Biex jagħmel xi mejda, kaxxa,

Gwardarobba, xi banketta,
Bibien, Twieqi, xi senduq;
B’hekk Marija ssib x’issajjar
U Gesu’ mill-borma jduq!

Sena minnhom meta t-tfajjel
Kien beda jitfarfar sewwa
Ġewwa t-tempju lilu ħadu
Miexi magħhom bl-akbar ħlewwa.

Iżda meta reġgħu lura
Lil dan binhom ma sabuhx;
Qatt ma ħolmu illi lilu
B’xi mod setgħu li tilfuh!
Wara tlett ijiem ifittxu
Fost l-għorrief lilu sabuh
Imbikkija u mifxula
B’nikithom xtaqu juruh.

Ma fehmux illi dan binhom
Ġie jwettaq xewqet missieru;
Ma kellhomx għalfejn jitnikktu
U lil qalbhom dlonk ifieru!

Sakemm dam fuq din l-art tagħna
Gużeppi baqa’ kuljum
Jieħu ħsieb Marija w binha
Il-ħarries tagħhom ikun.

O Gużeppi missier twajjeb
Minn ġos-Sema fejn tinsab
Tħalliniex naqgħu u nogħtru
U nitmiegħku ġewwa t-trab.

Kif ħadt ħsieb fiż-żmien imbiegħed
Lil Gesu u lil Marija,
Għinna nterrqu f’din id-dinja
F’din il-ħajja tat-tbatija!

Sabiex wara dal-vjaġġ iebes
Fis-Sema niġu ngawduk
Ma’ Gesu’ u ma’ Marija
U mħabbitna dlonk nuruk!

Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex