Poeżija lill-breakwater li qatt ma kisser mewġ

Wara l-aħbar li s-sajjieda f'Marsaxlokk għadhom fl-għama dwar il-breakwater li kellu jibda jinbena f'Ottubru, qarrej ta' Newsbook.com.mt bgħatilna poeżija dwar dan.
Martin Caruana jibda l-versi tiegħu jirrakkonta s-sagrifiċċju tas-sajjieda li jiċċaħdu mill-familja biex joħorġu jistadu.
Għajjiena jaslu lura, iżda minflok il-mistrieħ iqum ir-riħ u jkollhom jagħmlu minn kollox biex isalvaw id-dgħajsa, li tipprovidilhom il-ħobża ta' kuljum:

Mitlufa waħedhom,
fuq twavel, għawwied,
f’iljieli mudlama,
il-bogħod mill-ulied,
jixxejru, jixxarrbu,
jirtogħdu bil-ksieħ
jittewbu jixxennqu,
għal farka mistrieħ.

X’ħin jirfsu il-blata,
saqajhom fis-sod,
għajnejhom imġebbda,
leħinhom jirtogħod,
erħilhom iħottu,
u kollox bil-ġenn,
mitt sena sa jlestu,
Jibġabru għall-kenn.

M’jekk jonfoħ riħ isfel,
għajjiena u mhumiex,
ikollhom minn fuqhom,
itajjru il-friex,
għax port li kien kenni,
sar jibla’ bla ħniena,
id-dgħajjes jheddilhom,
u qalbhom ġulġliena.

Bil-ħbula f’idejhom,
mitlufa f’dagħdigħa,
irabbtu u jħażżmu,
Flok raqda, taqtiegħa.
u jidwi f'widnejhom,
muntanja ta’ kliem,
diskors kollu fieragħ,
martirju bla tmiem!