Poeżija: Infakkru Jum l-Omm

She is the earth fire that makes four walls home,
No room is dark or cold when she is near;
She is the lamp lit when the shadows come;
The answering voice that robs the night of fear.
She is the lost thing found; the healing kiss
Balm for youth’s griefs; the heart that understands;
All comfort and all light are where she is
And all of heaven she holds in her two hands.

B’din is-silta meħuda mill-poeżija “The Mother’ ta’
Margaret C. Gibbins xtaqt niftaħ din il-kitba tiegħi
dwar l-Omm fl-okkażjoni tal-festa tagħha l-Ħadd 10
ta’ Mejju, għaliex naħseb li din is-silta hija
definizzjoni eżatta ta’ din il-kreatura, ta’ din il-bewsa
li tfejjaq, il-qalb li tifhem, u fuq kollox, il-balzmu ta’
wliedha, b’mod speċjali matul is-sigħat tad-dwejjaq.
Min daqsha jista’ jifhem u jagħder! Hija l-Omm li
m’għandhiex sabar toqgħod passiva jew tosserva bla
ma tagħmel xejn. Imbagħad ma rridux ninsew li niġu
fid-dinja permezz tagħha wara li tkun ilha ġġorrna
fil-ġuf għal disa’ xhur sħah; tgħinna meta nkunu
żgħar u tikkunslana meta nkunu kbar. Dażgur li
jixirqilha li jkollha din il-għodwa ddedikata lilha.
Jum l-Omm mela għandu jkun għalina l-Jum għażiż
li fih aħna niftakru f’ommijietna. Wieħed qatt ma
jasal biex japprezza oġġett daqskemm meta jkun
għandu u mbagħad jitilfu. Sakemm ommna għadha
ħajja nsibuha dejjem lesta ma’ djulna biex taqsam
magħna l-ferħ u n-niket ta’ ħajjitna.

 

Bla dubju mhux kulħadd qiegħed igawdi lil Ommu.
Xi wħud tilfuha darba għal dejjem u għalhekk dan
il-Jum iġibilhom ħafna tifkiriet sbieħ tal-imgħoddi.
Huma tifkiriet li ma jmutu qatt u li jġibu l-faraġ,
is-sabar u l-ferħ. Għalkemm il-firda hija dejjem kerha,
din għandha tinbidel f’ferħ meta wieħed jiftakar li permezz tagħha,
l-Omm tinsab fit-tgawdija tal-Ġenna, premju tassew mistħoqq
tax-xogħol li wettqet fi ħdan il-familja u s-soċjetà kemm damet tgħix fostna.
Dawk l-ulied li tilfuha huma fid-dmir li f’dan il-Jum joffrulha r-rigali tagħhom;
mhux ir-rigal li jinxef u jitmermer bħal bukkett fjuri ta’ fuq il-qabar,
iżda t-talb imħeġġeġ tagħhom flimkien mal-quddiesa u t-tqarbina ta’ dan il-jum.
Fil-gżira tagħna, il-Moviment ta’ Kana għamel żmien jagħmel quddiesa f’dan il-Jum
fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija (tal-Barmil).

Dawk fostkom imbagħad li għadhom igawdu lil ommhom, jaraw li ma jonqsuhiex;
għal kuntrarju, jgħożżuha u jħobbuha lil din l-aqwa kreatura tal-ħolqien,
u f’dan il-jum għażiż juruha l-gratitudni kollha tagħhom billi qabel xejn,
jieħdu riżoluzzjoni li jirrispettawha u jħobbuha dejjem aktar.
Dawk l-ulied li forsi joqogħdu ’l bogħod minn darha, tajjeb li jżuruha f’dan il-jum
tagħha u juruha l-imħabba tagħhom bħal meta kienu żgħar. Telefonata m’għand iben emigrant
tista’ ttellagħha s-sema lil għażiża ommu.
L-ikbar rigal li nistgħu nagħtuha huwa dak
li aħna nkunu wlied tajba li ommna tħossha kburija bina.

L-ewwel kelma li tennejna kienet ‘ma’;
l-ewwel kelma f’mument ta’ biża’ jew ansjetà kienet ‘ma’;
l-ewwel kelma li toħroġ minn fommna meta nweġġgħu hija ‘ma’;
l-ewwel kelma f’mument ta’ sorpriża bla ma nittendu hija ‘ma’!
Dan kollu juri li l-memorja u x-xbieha tal-Omm qatt ma jgħibu
minn quddiem għajnejna sew jekk għadna żgħar u sew jekk kbirna fl-età.
Dan ma jistax ikun mod ieħor għaliex l-omm tagħmel elf sagrifiċċju biex tara lil uliedha sewwa.
Sa ma qabel jiftħu għajnejhom għall-ewwel raġġi tax-xemx hija tara
x’tagħmel biex iżżommhom protetti minn għajnejn seksieka, minn xi diżgrazzja
li tista’ ġġib xi ħsara fil-ġisem li jkun għadu qed jifforma;
tħares iktar mis-soltu lill-persuna tagħha, tiekol mill-aħjar u ssostni ruħha,
tnaqqas ċertu taħbit u tbatija żejda.
Biex tarana f’saħħitna, taħrab kull vizzju u mitt ħaġa oħra sabiex lid-dinja tkun
tista’ tagħtiha wild ġdid, sabiħ bħal tulipan
imperreċ għall-ewwel qtar tan-nida ta’ filgħodu.

Għalkemm il-missier irid jagħti s-sehem sħiħ tiegħu wkoll
lil iben jew bint li jkunu ġew fid-dinja, hija l-Omm li
tagħti l-akbar sehem fit-trobbija tal-ulied.
Hija tindokra waqt li l-missier ikun barra għax-xogħol,
tixtri, titma’, taħsel, tonxor, traqqa’, tnixxef, tlibbes,
issewwi, tħit, issajjar, tgħallem u tishar fuq uliedha bla serħan.
Is-servizz tagħha jtul erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Qalbha tieqaf meta tara lil xi ħadd minn uliedha f’qiegħ ta’ sodda.
Kemm wegħdi u sagrifiċċji tagħmel biex tarahom fuq saqajhom mill-ġdid!

Xieraq għalhekk li din l-Omm tieħu tal-inqas ġurnata vaganza darba fis-sena.
Kien għalhekk li nħolqot il-“Mothering Sunday”
fiż-żmien l-imgħoddi magħrufa llum bħala l-‘Mother’s Day’.
F’dan il-jum għandna nagħtuha btala xierqa lil ommna,
iżda biex din tkun kompluta, irridu nibqgħu nuruha dan
is-sens ta’ qima u rispett il-jiem kollha ta’ ħajjitha.

Fi ftit kliem, biex niġbru kollox, l-omm taf tagħder u
ma tistenniex wisq; iżda huwa d-dmir tagħna lkoll li bħala
wliedha, inħobbuha s-sena kollha, nobduha u ma ninkwetawhiex.
Dawk imbagħad li x-xorti riedet li tilfuha diġà
(bħalma sfortunatament ġara lili), jitolbu għaliha,
iżuru qabarha f’dan il-jum u mal-bukkett fjuri
li jqegħdulha fuq il-lapida kiesħa tal-irħam,
flimkien mal-poeta jgħidulha:

Għaliex int mitt biex tgħix, tgħammar ġo qalbna
B’demmek biss sħuna;
U jekk tħabbat il-qalb, tħabbat int magħha
Għalkemm midfuna.
W għalhekk fuq qabrek fejn tinsab mistrieħa
Sikwit tismagħna
Niġu nħabbtulek ftit, biex tbexxaq l-għata
U tqum tarana.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex