Poeżija : Il-Festa tal-Imnarja

Imnarja-7

Malta w Għawdex dlonk jifirħu
Hekk kif tfeġġ fuqna l-Imnarja;
Kif naqbad infisser ruħi
Ċerta bidla tinħass fl-arja!

Għax dil-festa mhix komuni
Fil-Buskett u fin-Nadur
L-atmosfera ferreħija
U niesna bi ħġarha tmur.

Il-prodotti u l-għelejjel
Frott il-ħidma ta’ dirgħajh
Il-bidwi joħroġ fil-beraħ –
Sigħat twal f’xemx, fuq saqajh.

Mill-qalb dil-festa ssellem
Lill-Appostlu Kbir tal-ġnus,
U lil Pietru, is-sajjied għaqli –
Wara Kristu kien isus!

Dawn it-tnejn spiċċaw biex ċarċru
Demmhom għal Kristu l-Mulej;
Riedu biss ’l-Imgħallem jixbhu
Le ma qagħdux jaraw x’ġej!

Wieħed spiċċa rasu ’l isfel
Mislub m’għuda ta’ salib;
L-ieħor spiċċa b’rasu barra
Biex miet għall-aqwa ħabib.

Fin-Nadur insibu statwa
B’dawn iz-żewġ kolonni kbar;
Fid-disgħa w għoxrin ta’ Ġunju
Lilhom tqimhom sat-tfal żgħar.

Ta’ kull sena ħa nifirħu,
Naqbżu, niżfnu għalenija
Għax l-Imnarja hija l-festa
Minn kulħadd wisq mistennija.

Kav Joe M. Attard — 29-06- 2009