Poeżija fl-okkażjoni tal-ħatra tal-ewwel Kardinal Għawdxi

Ir-ritratt juri lil Kav Joe M Attard qed jaqra l-poeżija li kiteb fl-okkażjoni tal-ħatra tal-ewwel Kardinal Għawdxi Mons Isqof Mario Grech li fil-festa tal-Kunċizzjoni qaddes fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb Taċ-Ċawla Victoria.

Il-poeżija nqrat mill-awtur innifsu waqt li r-Rettur ta’ dan iċ-Ċentru Patorali Mons Eddie Zammit ippreżenta lill-Eminenza Tiegħu Baklu sabiħ f’isem il-komunita tal-inħawi.  L-Eminenza Tiegħu kien qed iqaddes fl-okkażjoni tal-35 sena mit-twaqqif tad-Dar Gużeppa Debono li nsibu f’Għajnsielem Għawdex. 

F’din l-okkażjoni l-Kardinal tkellem dwar it-Tnissil bla tebgħa tal-Immakulata kif ukoll dwar l-isfidi tal-miżżewġin u kif id-Dar Gużeppa Debono għal dawn is-snin kollha ma waqfet qatt milli tagħti servizz lil dawk kollha li ħabbtulha fuq il-bieb.

Lill-Ewwel Kardinal Għawdxi Mons Isqof Mario Grech

Niftakrek fuq bank l-iskola

Student bieżel u ħawtiel

U minn kif kont iġġib ruħek

Mill-ewwel int tajtna ħjiel.

Dmirijietek int kont taqdi

Sa ma bdejt titfarfar sewwa

Tbissima tilgħab fuq fommok

Ma kontx taf x’inhuma għedewwa!

Spiċċajt dħalt is-Seminarju

Biex tistudja għal saċerdot

Fuq il-passi tal-Imgħallem

Ħajtek fassalt b’dan il-mod.

Wara ħallejt ix-xtut tagħna

U spiċċajt fil-Belt Eterna

Sabiex tkompli hemm titħarreġ

Tiftaħ moħħok, tiddixxerna!

Lura f’Għawdex ġewwa l-Kurja

Ħdimt, ħabrikt dlonk bla waqfien

Kappillan f’raħal tfulitek

Magħżul ġejt wara ftit żmien.

Iżda hawnhekk ma domtx wisq tmexxi

Triq oħra kien hemm għalik –

Isqof t’Għawdex Ruma qalet

Il-Baklu f’idejk tagħtik!

U ħmistax-il sena tgerbu

Tmexxi lil dil-merħla Għawdxija;

Lilha twissi, twiddeb, teħles

Minn kull għawġ illi jherriha.

Sakemm feġġet il-ġurnata

Li mill-ġdid Ruma kellmitek –

Segretarju minn tas-Sinodu

Għal darb’oħra din sejħitlek!

Kont diġa bdejt itmidd għonqok

F’din il-kariga prestiġġjuża

Iżda l-Papa milli jidher

Għalik kellu spazji usa

U mit-tieqa ta’ kamartu

Ħabbrilna l’int Kardinal –

Lejn l-aħħar minn ta’ Novembru

Fost il-ferħ tal-kbar u ż-żgħar.

Eminenza nifirħulek

Kemm ninsabu ferħanin

L-ewwel fost ulied dan Għawdex

Li għamiltna hekk kburin.

Flimkien aħna ser nitolbu

Lil Ommna minn tas-Sikors

U lill-Papa kbir Gregorju

Lil ħajtek jimlew bil-għors

Sabiex mal-Qdusija Tiegħu

Tistinka għall-Knisja tagħna

Biex din tikber u tinfirex

U bil-grazzja dlonk tistagħna.