PN: Ray Zammit bla kredenzjali biex imexxi s-sistema tal-gwardjani

Il-Partit Nazzjonalista sostna li llum mhux se jattendi għaż-żjara li se jagħmlu l-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Stefan Bountempo fl-uffiċini tal-LESA.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-PN għall-kunsill Lokali David Agius qal li dan se jsir bħala sinjal ċar ta’ diżapprovazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-ħatra ta’ Ray Zammit fit-tmexxija tal-aġenzija tal-gwardjani lokali għax m’għandux il-kredenzjali li jmexxi l-aġenzija.
David Agius qal li r-rekord negattiv ta’ Ray Zammit juri b’mod ċar kemm hu bniedem li m’għandux jingħata l-fiduċja.
Semma li kien il-Kummissarju tal-Pulizija nvolut fil-cover-up tal-isparatura tax-xufier ta’ Manuel Mallia, u fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Neville Baldacchino.
Il-Whip Nazzjonalista rrefera wkoll għal dak li ġie żvelat fil-jiem li għaddew, li Ray Zammit ħa tliet plots tal-Gvern għas-somma ta’ €20,000, wara bidla fil-policy tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
David Agius saħaq li għal Joseph Muscat, il-Kunsilli Lokali m’huma xejn ħlief għodda politika, tant li wasal biex ikun l-ewwel Prim Ministru li ħassar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.