PN: L-importazzjoni u l-esportazzjoni qed jonqsu

Ix-Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco qal li l-Ministru tal-Finanzi naqas milli jirrapporta kemm li l-importazzjoni bejn Jannar u Novembru tal-2015 naqset bi €360 miljun, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti, kif ukoll li l-esportazzjoni niżlet bi €226 miljun.
Mario de Marco qal li Mata esportat anqas materjal mhux raffinat, anqas kimiċi kif ukoll anqas makkinarju u tagħmir tat-trasport.
Matul l-istess perjodu Malta importat anqas ikel, xorb, oġġetti tat-tabakk u anqas kimiċi.
Issokta jgħid li l-waqgħa fl-importazzjoni setgħet kienet ogħla kieku ma kienx għall-importazzjoni ta' tagħmir għall-power station ġdida.
Fl-istqarrija, Mario de Marco qal li din l-informazzjoni turi li għal darb'oħra ċerti setturi tal-ekonomija qegħdin isofru.
Huwa qal li minn informazzjoni fuq il-produzzjoni industrijali, li tinħareġ mid-database tal-Eurostat, turi li r-rata ta’ tkabbir ta’ Malta kienet aktar baxxa minn dik meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra.
Mit-18-il pajjiż li ppreżentaw l-informazzjoni, Malta kklassifikat fit-13-il post.
L-Oppożizzjoni stiednet lill-Prim Ministru biex jieħu l-pass li jmiss u jibda jirranġa l-affarijiet li qed jolqtu ħażin lill-kompetittività ta’ Malta.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Prim Ministru jrid jibda billi jraħħas il-petrol u d-diesel, li huma ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea u li ma jirriflettux il-waqgħa fil-prezz internazzjonali taż-żejt.