PN: L-Amministrattiv jiltaqa’ l-Erbgħa; mhux deċiża d-data għall-Eżekuttiv

Il-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa’ kmieni għada filgħaxija fejn mistenni jiddiskuti l-pożizzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fi ħdan il-partit, wara l-allegazzjonijiet li ħarġu fil-konfront tiegħu. Sorsi infurmati fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-laqgħa se ssir fil-5pm.

Madanakollu, minkejja li rapporti fil-midja qed jgħidu li l-Ħamis se jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN biex jiddiskuti wkoll il-Kap, is-sorsi tagħna qalu li “għad m’hemm l-ebda data deċiża”.

Fis-7 ta’ Jannar li għadda, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut qal ma’ Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni preżenti fil-partit tqanqal tħassib u li ilu li talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN għal laqgħa. Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN David Stellini qal li hemm bżonn laqgħa urġenti.

Awdjo: “Ilni li tlabt lis-Segretarju Ġenerali għal laqgħa”

Madanakollu għadu mhux magħruf meta se jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, minkejja li nhar it-Tnejn reġa’ fetaħ il-Parlament wara l-btajjel tal-Milied. Fil-jiem li għaddew deputati li tkellmu magħna lmentaw għal dan il-fatt, b’wieħed minnhom jgħid li diriġenti tal-partit ġrew wara l-iżgħar kumitati sezzjonali biex joħorġu dikjarazzjoni favur il-Kap, imma ma ġrewx warajhom biex jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari.

Kumitati PN: Kemm jappoġġjaw lil Delia? U l-MPs?

F’intervista waqt Follow Up fuq RTK 103FM, Adrian Delia qal li m’għandux problema li jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari.

Filmat: Tal-Gvern fatti, tiegħi allegazzjonijiet – Delia

Fl-aħħar ġimgħat Adrian Delia beda jaffaċċja allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika. Dr Delia wiegħed li wara dan kollu se joħroġ aktar f’saħħtu aktar minn qatt qabel, filwaqt li ddeskriva l-akkużi bħala parti minn pjan biex ixekkel il-progress tiegħu fis-sondaġġi.

Filmat: Adrian Delia se jgħaddi minn ġon-nar u joħroġ aktar b’saħħtu

Filwaqt li qal li filmati li ġew iċċirkolati kienu editjati, Adrian Delia saħaq li l-pożizzjoni ta’ mexxej politiku ma tibqax tenibbli jekk jinstab ħati li wettaq vjolenza domestika.

Mhux tenibbli – Delia