PN jinsisti li l-kariga ta’ kap eżekuttiv tal-Korp ma tistax tiġi abolita mill-ministru

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qed joġġezzjona għal pjanijiet biex tiġi abolita l-kariga ta’ kap eżekuttiv fil-Korp tal-Pulizija, peress li qed jinsisti li din il-kariga hi stabbilita b’liġi li tista’ tinbidel biss mill-Parlament.

Il-Malta Independent on Sunday irrapurtat li il-korp se joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għal kariga ġdida ta’ direttur ġenerali. Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà – li kien il-kap eżekuttiv tal-korp qabel ma sar kummissarju – kien ġa wera l-intenzjoni tiegħu li jneħħi l-kariga bħala parti mir-riformi tiegħu.

Fi stqarrija, id-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina, il-kelliema tal-partit għall-intern u għall-governanza tajba rispettivament, fakkru li l-kariga ġiet stabbilita propju biex il-kummissarju jkun jista jiffoka l-ħidma tiegħu fuq it-tmexxija u l-iggwidar tal-korp tal-pulizija, u li dan ir-rwol ġie stabbilit bis-saħħa tal-Att dwar il-Pulizija.

“L-Att dwar il-Pulizija jobbliga li għandu jkun hemm Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija u ma jagħtix id-dritt lill-Ministru Byron Camilleri u wisq anqas lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jieħdu l-liġi b’idejhom billi jaqbdu u jabolixxu din il-kariga mingħajr mal-Parlament ikun iddiskuta u qabel dwar bidla fl-Att dwar il-Pulizija,” iż-żewġ deputati nsistew.

B’hekk, il-PN jistenna li kemm Gafà kif ukoll Camilleri jaġixxu skont il-liġi, u jekk il-ministru bidel fehmtu fuq il-kariga ta’ kap eżekuttiv, għandu jressaq abbozz ta’ liġi quddiem il-Parlament u mhux jaqbad u jieħu l-liġi b’idejh.

“Hekk jagħmel min tassew jemmen u jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-liġijiet ta’ pajjiżna,” ikkonkludew Fenech Adami u Aquilina.

Diskussjoni parlamentari issir fejn hemm bżonn – il-ministeru

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern insista li l-Parlament se jkun irrispettat, u li fejn ikun hemm meħtieġ li ssir diskussjoni parlamentari din se tkun qed issir.

“M’hemmx dubju li l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi jirrispetta l-istituzzjonijiet u m’għandux bżonn tagħlimiet mingħand il-kelliema tal-Oppożizzjoni. Bħal dejjem kien ikun iktar għaqli li l-Oppożizzjoni tfittex id-djalogu u d-diskussjoni milli l-konfront u l-partiġġjaniżmu bil-għan li tiċċara l-affarijiet qabel tgħaġġel tippolitiċizza diskussjonijiet importanti,” il-ministeru insista.

Fakkar ukoll li l-pjanijiet kienu parti minn strateġija ta’ trasformazzjoni għall-korp li kienet qed titħejja fl-aħħar xhur.