PN: Il-Ministeru responsabbli għad-danni ambjentali f’Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru għal Għawdex għandu jinżamm responsabbli għad-danni ambjentali li qed jiġru f’Għawdex.

Fi stqarrija l-PN qal li llum il-Ministeru għal Għawdex ammetta li wettaq xogħlijiet ta’ tindif fil-bajja ta’ San Blas u spjega kif ix-xogħol ta’ tindif tal-alka fil-bajjiet is-soltu jsir bl-idejn, iżda l-Gvern uża makkinarju goff li għamel dannu ambjentali kbir liż-żona, inkluż li qala’ ġebel naturali li hu parti integrali mill-istess bajja.

Il-PN saħaq li l-Ministeru għal Għawdex ħa din id-deċiżjoni mingħajr ma fittex awtorizzazzjoni mill-MEPA, u li wara li dan l-isfreġju ambjentali għamel ħsara lill-eko-sistema tal-bajja, il-Ministeru qed jgħid li se jikkordina mal-MEPA biex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jsiru.

Il-Partit Nazzjonalista innota wkoll li din hi t-tieni darba li l-Gvern inqabad iwettaq sfreġju ambjentali fil-bajjiet ta’ Għawdex, hekk kif ftit ġimgħat ilu, inqabad juża’ makkinarju goff fil-bajja tar-Ramla.

L-istqarrija tgħid ukoll li hu kundannabbli li l-Gvern issa qed jipprova jgħatti l-iżbalji tiegħu billi jinħeba wara għaqda ambjentali mhux governattiva.