Aġġornata (2): PN: “Il-Kummissjoni Elettorali għandha tiltaqa’ b’urġenza”

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissjoni Elettorali biex tiltaqa’ b’urġenza ħalli tara kif se talloka minnufih iż-żewġ siġġijiet Parlamentari biex ma jkunx hemm iktar dewmien.
Dan hekk kif dalgħodu l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-PN għandu jingħata żewġ siġġijiet fil-Parlament wara taqtigħa ta' madwar erba' snin.
F’konferenza, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil saħaq li mhuwiex importanti min se jieħu s-siġġijiet iżda l-importanti hu li jingħataw mill-iktar fis possibbli.
Simon Busuttil qal li dan mhuwiex attakk kontra s-sistema iżda hu attakk kontra żball li sar fl-għadd tal-voti u issa dan l-iżball ġie rikonoxxut mill-Qorti.
Kompla jgħid li s-sentenza li ngħatat mill-Qorti hi rebħa għad-demokrazija, għall-ġustizzja, għat-tama u għall-perseveranza.
Żied jgħid li l-elezzjoni jiddeċidiha min jivvota u mhux min jgħodd il-voti.
Il-kawża kienet imressqa minn Therese Comodini Cachia filwaqt li Paul Borg Olivier kien l-avukat fil-kawża appellata.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil qed jiċċelebra għax baqa’ fl-oppożizzjoni filwaqt li qed juri kemm hu maqtugħ min-nies u medhi fil-logħob partiġġjan.
Kompla jgħid kif il-Gvern se jibqa’ għaddej b’ħidmietu biex iwettaq iktar inċentivi għall-familji u n-negozji.
Reazzjoni Gvern:
F’reazzjoni l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa b’saħħtu u jgawdi l-maġġoranza assoluta u storika tal-poplu kollu.
Żied jgħid li minkejja li l-Gvern jinsab diżappuntat bis-sentenza li ngħatat illum, se jirrispetta d-deċiżjoni u jara li din se tiġi implimentata.