PN: Il-baġit mhux se jqassam il-ġid b’mod ġust

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-miżuri inklużi fil-baġit li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn li għadda jżidu l-burokrazija u ma jqassmux il-ġid b’mod ġust. Qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jżid il-burokrazija fuq self-employed żgħar li ma jaqilgħux iktar minn €7,000 fis-sena se twassal biex dawn il-persuni jħallsu iktar.
Dan qalitu l-Kelliema għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Kristy Debono waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Kelliem għall-Familja Clyde Puli u mill-Kelliem għat-Trasport Toni Bezzina.
Kristy Debono spjegat li l-miżura tal-baġit tfisser li kull self-employed li jaqla’ inqas minn €7,000 fis-sena se jerġa’ jibda jirreġistra għall-VAT.
Hi qalet li din id-deċiżjoni turi li l-Gvern iktar moħħu li jiġri wara s-sid tan-negozju ż-żgħir, meta fl-istess ħin ma jsemmi xejn dwar kif is-self-employed jista’ jkabbar in-negozju tiegħu.
Clyde Puli sostna li b’dan il-baġit, il-Gvern qed itik f’but u jeħodlok minn ieħor. Fost l-oħrajn, spjega kif hemm żidiet fil-liċenzji tal-karozzi, żidiet fil-boll tal-assigurazzjoni, żidiet fit-taxxa tal-mobile kif ukoll iż-żidiet fl-eżamijiet tal-MATSEC u tal-akkomodazzjoni soċjali.
Min-naħa tiegħu, Toni Bezzina sostna li għal Joseph Muscat, it-traffiku fit-toroq Maltin u Għawdxin kien u għadu perċezzjoni. L-unika miżura li suppost għandha tnaqqas it-traffiku mit-toroq Maltin hija biss white paper.