PN: Bord Intern ta’ Inkjesta “fażull” u “se jagħmel cover-up”

“Bord fażull li se jagħmel cover-up”.
Hekk iddeskriva, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fi tweġiba għal stqarrija Ministerjali tal-Ministru għall-Intern Carmelo Abela dwar il-mewt b’suwiċidju ta’ persuna li kienet fil-kustodja tal-Pulizija fl-Isptar Monte Karmeli.
Abela, fl-istqarrija tiegħu ta d-dettalji tal-każ: is-Sibt filgħodu l-awtoritajiet tal-ħabs kienu infurmat li Ingliż li kien qed jinżamm fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli fuq każ ta’ drogi kien ipprova jagħmel suwiċidju. Huwa ttieħed l-isptar Mater Dei fejn miet. Saħaq li preżentement għaddejjin l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, inkjesta Maġisterjali kif ukoll inkjesta interna b’dati definiti dwar meta dawn għandhom ikunu lesti. Huwa kkwota wkoll diskors tal-gvern preċedenti li ċirkustanzi bħal dawn m'għandhomx jispiċċaw ballun politiku.
Id-Deputati Nazzjonalisti li tkellmu sejħu għal inkjesta Maġisterjali pubblika. Allegaw ukoll li l-bord li se jwettaq l-inkjesta interna jinkludi membri li għandhom kunflitt ta' interess. Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li din hi sitwazzjoni li m’għadhiex fil-kontroll tal-Ministru u li għalhekk jeħtieġ jerfa’ r-responsabiltà politika tagħha.
Abela sostna li l-Oppożizzjoni jinteressaha biss issejjaħ għal riżenji u appella biex wieħed jistenna l-eżitu tal-inkjesti biex eventwalment jittieħdu d-deċiżjonijiet u jintrefgħu r-responsabbiltajiet li għandhom jintrefgħu.
Iktar kmieni, il-Ministru għall-Intern qal li huwa mhux se jaħrab mir-responsabiltà tiegħu bħala Ministru għall-Intern, iżda se jwettaqha mill-bidu sal-aħħar.