Aġġornata:PN: Bil-promozzjonijiet fl-AFM “Malta m’għadhiex tagħna lkoll”

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista attakka l-mod ta’ kif qed jimxu l-affarijiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.

Beppe Fenech Adami qal li qed jittieħdu “kullana ta’ deċiżjonijiet li jmorru kontra l-għajta li l-Partit Laburista għamel qabel l-elezzjoni”.

Għamel referenza għall-islogans tal-Partit Laburista "Tista' ma taqbilx magħna imma tista' taħdem magħna" u anke "Malta tagħna lkoll".

Fenech Adami semma l-iżviluppi li saru dan l-aħħar fil-Korp tal-Pulizija fosthom it-tneħħija ta’ John Rizzo minn Kummissarju u l-appuntar ta' Peter Paul Zammit fit-tmexxija tal-Korp, l-użu tal-pulizija bħala wejters u t-transfers minn post għall-ieħor.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Palazz tal-President, il-kelliem Nazzjonalista għall-Affarijiet Interni Jason Azzopardi qal li fuq il-bord tal-ħatriet il-ġodda fi ħdan il-FAM hemm ukoll Ramona Attard u Clint Cutajar, żewġ persuni li jaħdmu fil-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali.

Jason Azzopardi qal li l-erba’ Maġġuri li għadhom kemm laħqu Logutenti Kulunelli, it-tielet l-għola kariga fil-Forzi Armati, huma “militanti Laburisti” u “m’għadhomx jaqdu l-interess nazzjonali imma l-interess tal-partit fil-gvern”.

Dwar il-Logutenent Kulunnell Pierre Vassallo, Dr Azzopardi qal li fl-2006 weħel mill-eżami ta’ sigurtà minħabba li fl-1986 tneħħa mill-Korp fuq passi dixxiplinari. Azzopardi staqsa għaliex issa Vassallo ngħata promozzjoni meta l-kondotta hi mtappna.

Il-kelliem Nazzjonalista rrimarka li qabel ma jogħla fil-kariga, Maġġur irid jagħmel minn tal-inqas sentejn f’din il-kariga.    F’dan il-każ, Mark Mallia għamel biss sena u qabeż 21 Maġġur ieħor li kien hemm qablu.

Jason Azzopardi staqsa jekk il-ħatriet sarux abbażi tal-meritokrazija jew le hekk kif skont il-Partit Nazzjonalista, Jeffrey Curmi qabeż 12-il Maġġur ieħor u hu ħabib tal-familja tal-Prim Ministru u Mark Said qabeż 4 Maġġuri oħra.

Reazzjoni Gvern

L-attakk li sar mill-kelliema tal-Oppożizzjoni fuq erba’ Kurunelli li ġew promossi juri kemm l-Oppożizzjoni għadha timxi bil-kuluri f’dak kollu li għandha x’taqsam mat-tmexxija tal-Forzi Armati. Fi stqarrija l-Gvern saħaq li l-attakk li sar ikompli juri li l-attakk tal-Oppożizzjoni fuq l-istituzzjonijiet kollha huwa maħsub biex jagħmlu ħsara lill-pajjiż.

Il-Gvern insista li l-proċess tal-għażla ta’ dawn l-erba’ kurunelli sar skont il-liġi. Spjega kif l-erba’ persuni li saru Kurunelli, kollha avvanzaw għal Maġġuri matul is-snin.  Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kkonferma li l-għażliet saru kollha skont il-merti u kriterji stabbiliti. Dawn il-kriterji tal-interviews kienu stabbiliti b’rakkomandazzjonijiet mal-Bord tad-Difiża u jinkludu ukoll l-esperjenzi  li l-Maġġuri għamlu lokalment kif ukoll barra minn Malta, tgħid l-istess stqarrija.