PN: Aktar qed tikber is-serqa sfaċċata fuq iż-żejt

Il-kelliema Nazzjonalista għall-Enerġija Marthese Portelli qalet li l-Gvern qed jisraq lill-familji u negozji mill-anqas €10 fuq kull €30 petrol fil-ġimgħa u €12 fuq kull €30 diesel fil-ġimgħa. 
Dan għaliex fi kliem Portelli,  il-prezz taż-żejt kompla jinżel iżda f’Malta baqa’ prattikament l-istess, b’reviżjoni ta’ ċenteżmu fuq id-diesel, u żewg ċenteżmi fuq il-petrol. 
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li “aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tikber is-serqa sfaċċata ta’ Joseph Muscat fuq il-familji Maltin u Għawdxin f'dan ir-rigward.” 
Il-Partit Nazzjonalista  sostna li kif tindika l-istatistika uffiċjali ppublikat mill-Unjoni Ewropea, il-Maltin qed iħallsu l-ogħla petrol u diesel fl-Ewropa meta wieħed ma jinkludix it-taxxi. 
Temm jgħid li jekk wieħed jinkludi t-taxxa, isib li l-prezz f’pajjiżna huwa it-tielet l-ogħla minn 28 pajjiż.