Il-PM se jippubblika lista tar-rigali li qala’

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni li jippubblika lista ta’ rigali li rċieva fil-kariga ta’ Prim Ministru meta dan iħalli l-poter lis-suċċessur tiegħu.

Il-ġurnal The Sunday Times qed jirrapporta li l-Prim Ministru Muscat mistenni jżomm mal-prassi tal-predeċessuri tiegħu u fit-tmiem il-kariga jippubblika l-lista ta’ riġali li rċieva metakien Prim Ministru.

Il-Prim Ministru erġa’ spiċċa fil-lenti tal-kritika meta f’dawn l-aħħar jiem rapporti qalu li hu ngħata tliet fliexken inbid Petrus li hu mifhum li jiswew eluf ta’ ewro, minn Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, waqt riċeviment li sar f’għeluq sninu.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-imbejjed qegħdin l-Girgenti fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru u mhux fil-pussess ta’ Muscat.

Madanakollu, sorsi qrib l-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qallu lill-gazzetta li rigali minn persuni tan-negozju mhumiex parti mir-rigali tal-Istat għax jingħataw biss lill-Prim Ministru waqt żjara statali u mhux xi riċeviment.