PM ottimist li jintlaħaq qbil raġonevoli dwar il-fondi Ewropej

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab ottimist li se jintleħaq qbil dwar il-qafas finanzjarju tal-baġit tal-Unjoni Ewropej. Meta kien qed jitkellem fuq One Radio, Abela qal li meta wieħed jara l-affarjiet b’mod oġġettiv, hu jaħseb li kienet ambizzjoni ftit kbira biex jintleħaq qbil f’dan is-summit meta għandek il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li kienu qed ifittxu qbil għal fondi strutturali ta’ koeżjoni.

Huwa qal li din id-darba se jonqos mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, l-ammont ta’ €60 biljun li kien is-sehem tar-Renju Unit, li issa m’għandux parti mill-grupp.

Abela qal li hu jinsab ottimist li se jinstab ftehim raġonevoli li jippermetti lill-Gvern Malti li jinlaħqu l-ambizzjonijiet u miri finanzjarji sas-snin 2021-2027.

Il-mexxej Laburista qal li jinsab sodisfatt bil-ħidma li saret mill-Gvern Malti f’Brussels li fil-jiem li għaddew ħadem qatigħ għal 28 siegħa bla waqfin u bil-mod kif għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara dwar dak li qed jistenna mill-baġit Ewropew.

Abela qal li hemm realtajiet li n-nies ma jafux bihom, li skont il-fondi strutturali ta’ koeżjoni fil-qasam tal-biedja hekk kif ġew nnegozjat mill-Prim Ministru Lawrnce Gonzi, il-pajjiż qed iħallas sitt darbiet iktar milli qed jirċievi.

“Issa l-Unjoni Ewropea qed tipproponi li dan il-fondi strutturali jinżlu b’tali mod li nibdew inħallsu 10 darbiet iktar, dan mhux aċċettabbli għalina,” temm jgħid il-Prim Ministru.

“It-tnaqqis mistenni jkun ta’ €189 miljun ” – Peter Agius

Intant, fi blogg ippubblikata fuq newsbook.com.mt, l-espert tal-Unjoni Ewropea u eks-kandidat ewropew tal-PN, Dr. Peter Agius qal li “minn kalkoli tiegħi korroborati ma’ sorsi mhux uffiċjali qed nistennew tnaqqis ta’ €189 miljun  mill-fondi strutturali (u ta’ koeżjoni) għal Malta fil-pakkett ta’ fondi Ewropej.”

Dr Agius qal li dan it-tnaqqis fil-fondi għal Malta jidher li se jammonta għal 20% meta mqabbel mal-pakkett miġjub minn Dr Gonzi.

Hu stqarr li l-Gvern ma jistax jibqa’ iġib l-iskuża tal-Brexit meta l-baġit Ewropew globali propost fi Brussell din il-ġimgħa kien biss 4% inqas minn 7 snin ilu.