PM ostaġġ, ma jitkellimx fuq li qed iseħħ; l-Ewropa kollha tiddiskutih – Delia

Robert Abela
DOI: Jeremy Wonnacott

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li mhux sostenibbli l-argument li ressaq il-Prim Ministru Robert Abela li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni kienet se tkun ta’ preġudizzju għall-investigazzjonijiet li talbet il-Qorti fil-konfront tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Huwa qal li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx se tissindika l-aġir ta’ Cutajar iżda l-aġir tal-Gvern.

Delia ħa l-opportunità biex jitkellem fil-Parlament waqt id- diskussjoni ġenerali mingħajr vot dwar ir-rapport annwali għall-iżvilupp sostenibbli. L-Ispeaker Anġlu Farrugia ġibidlu l-attenzjoni biex iżomm mas-suġġett tad-diskussjoni. Delia qal li hu kien se jitkellem dwar is-sostenibilità iżda ma kienx sostenibbli li ssir diskussjoni fuq dokumenti ta’ tliet snin ilu għaliex daqshekk ħa l-Gvern biex iressaq fil-Parlament ir-rapport annwali għall-iżvilupp sostenibbli u ma sarx diskussjoni dwar dak li qed iseħħ bħalissa fil-Qorti.

Huwa qal li lanqas mhu sostenibbli l-argument li ġab il-Prim Ministru li l-Oppożizzjoni għandha l-opportunità li tagħmel il-mistoqsijiet tagħha lill-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid għaliex l-istess Prim Ministru ma qalx hekk meta ħatar lil Cutajar bħal konsulent tiegħu, m’għamillux il-griling u ma staqsiex għaliex ma kienx qed jinvestiga dak kollu kien qed jinħema minn Kastilja, li l-vittma tiegħu kienet Daphne Caruana Galizia.

Delia rrimarka li Robert Abela kkuntradixxa lilu nnifsu meta llum qed jgħid li lil Lawrence Cutajar kien keċċieh hu għaliex f’Jannar li għadda kien qal li kien Cutajar li rriżenja.

“Il-PM jiddeċiedi meta jsib ruħu mal-ħajt”

Il-Kap tal-PN qal li l-PM ma jista’ jagħti l-ebda konfort lill-poplu Malti meta stqarr li ma jaf b’xejn dwar l-aktar materji important bħall-kuntratti tal-Vitals u tal-Electrogas meta huwa kien konsulent tal-Prim Ministru Muscat, kif ukoll issa dwar l-investigazzjonijiet li għamel Cutajar dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

“Il-Prim Ministru mhu qed jintebaħ b’xejn u ma jinduna b’xejn. Fir-realtà jiddeċiedi biss meta jsib ruħu daru mal-ħajt. L-ewwel ħatar lil Konrad Mizzi konsulent tal-MTA, imbagħad xħin inqabad irtiralu l-kuntratt. Bl-istess mod ħatar lil Cutajar konsulent u issa neħħieh,” kompla jgħid Delia.

Huwa qal li dwar l-emerġenza tas-saħħa nazzjonali, il-Prim Ministru biddel il-verżjoni tliet darbiet f’temp ta’ 48 siegħa, u bl-istess mod kif kulħadd qiegħed fuq ix-xwiek jistenna r-riżenja ta’ Chris Cardona, din għadha ma seħħitx u għal din l-inċertezza kollha qed ibati l-poplu Malti.

“Fil-Parlament ma jiddibattix; jiddibatti waħdu fuq il-ONE”

“Dan hu Prim Ministru li mhux vera jiddeċiedi u jinsab ostaġġ ta’ dawk l-istess nies li kien jokkupaw l-istess uffiċċju tiegħu f’Kastilja,” jgħid Delia.

“Għandna Prim Ministru ostaġġ. Ostaġġ ta’ min? Prim Ministru ta’ pajjiż li ma jistax jiddeċiedi li jiġi hawn fil-Parlament u ma jridx jiddibatti l-iktar affarijiet ta’ materja importanti għal pajjiżna f’dan il-mument. Illum ma jridx jiddibatti fuq il-Kummissarju tal-Pulizija. Meta kien hemm il-Covid ma riedx jiddibatti fuqha u lanqas meta kien hemm il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Imbagħad imur jiddibatti waħdu fuq is-Super One,” qal Delia.

Huwa qal li l-Prim Ministru hu ostaġġ ta’ numru ta’ personaġġi bħal Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Lawrence Cutajar li jirriżenjaw u baqgħu f’posthom, kif ukoll Keith Schembri li rriżenja u baqa’ jdur.

“Id-deċiżjonijiet dwar l-investigazzjoni ħadhom xi ħadd minn Kastilja”

Delia stieden lil Abela biex jiġi fil-Parlament u jgħid li Schembri u Nexia BT m’għandhomx ikunu investigati. Huwa qal li l-Prim Ministru jiġi jiftaħar b’riħet ħaddieħor tant li ftaħar li keċċa lil Cutajar, iżda għamel dan biss meta l-Maġistrat ordnat investigazzjoni dwaru.

Il-Kap tal-PN qal li l-ekonomija tinsab f’salib it-toroq, li l-pajjiż għadda minn terremot ta’ korruzzjoni u mill-burraxka ta’ elezzjonijiet interni fil-PL u wara l-pandemija tas-saħħa, il-Gvern qed jagħżel li jkompli jsawwat ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Huwa qal li filwaqt li l-Ewropa kollha qed tiddiskuti dak li qed jiġri fil-qrati Maltin permezz ta’ rapporti fil-ġurnali, il-Gvern għażel li ma jiddiskutix dan fil-Parlament. Delia sostna li Cutajar ma ħax id-deċiżjonijiet li ma jinvestigax waħdu iżda dawn id-deċiżjonijiet ħadhom ħaddieħor li kien qed jopera minn Kastilja.

Delia qal li filwaqt li lilu jistaqsuh meta se jieqaf jitkellem dwar il-korruzzjoni, hu jistaqsi lill-Gvern meta mhux se jibqa’ jkun kontrollat mill-kriminali u meta se jiddeċiedi favur iż-żgħir, u mhux iħares biss l-interessi ta’ dawk li jitimgħuh.

“Il-messaġġ tal-PN li jiġġieled il-korruzzjoni hu wieħed ta’ tama għan-nies, ” temm jgħid Delia.